Internazzjonali

L-Arabja Sawdija lesta tmur għall-armi nukleari

Il-Ministru Adel al-Jubeir

Adel al-Jubeir, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, qal li pajjiżu kien lest jikseb l-armi nukleari jekk jara li l-Iran ikun qed jagħmel dan.
Hu qal dan f’intervista mas-CNN u b’reazzjoni jekk il-Gvern ta’ Riyadh kien lest jibni bomba nukleari jekk l-Iran jerġa’ jibda l-programm ta’ armi nukleari. Jubeir qal li l-Arabja Sawdija kienet se tagħmel minn kollox biex tikseb l-armi nukleari jekk ikollu minnhom l-Iran.
Il-kummenti ta’ Jubeir saru hekk kif il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li l-Istati Uniti kienet se tkun qed tirtira mill-ftehim nukleari li kien sar mal-Iran fl-2015. Ftehim li kellu l-iskop li jrażżan dan l-iżvilupp.
L-Iran u l-Arabja Sawdija huma pajjiżi avversarji ta’ xulxin u qed jikkonfrontaw lil xulxin indirettament fil-Jemen, bl-Iran jappoġġja lir-ribelli Houthi. Dawn ir-ribelli tul dawn l-aħħar ġimgħat sparaw diversi missili lejn l-Arabja Sawdija.
Jibeir qal li l-Iran kien qed jipprovdi l-missili li qed ikunu sparati lejn l-Arabja Sawdija lir-ribelli Houthi. Hu żied li aġir simili kien inaċċetabbli u l-Iranjani jridu jinżammu responsabbli ta’ dan. Hu żied li l-Arabja Sawdija kienet se tistenna biex issib il-mod opportun fiż-żmien opportun biex tagħmel dan.
Il-Ministru Sawdita qal li Riyadh kien akkost ta’ kollox qed jipprova jevita azzjoni militari diretta kontra l-Iran imma ma setax ikun li l-affarijiet ikomplu sejrin b’dan il-mod.