Internazzjonali

L-AWSTRALJA: Investigata s-sejba ta’ seba’ mejtin

Il-Pulizija qed tinvestiga sejba makabra fil-belt ta’ Osmington, fost il-konferma li seba’ persuni – inklużi erbat itfal – instabu mejtin f’dar u ftit ’il hinn minnha.
L-awtoritajiet ma qalux kif mietu l-vittmi iżda kkonfermaw li nstabu żewġ armi tan-nar fuq il-post.
Intant, sar magħruf li tnejn mill-katavri nstabu barra d-dar, bil-ħamsa l-oħra jinstabu fil-bini, fi proprjetà rurali.
F’każ ta’ konferma li l-mejtin irriżultaw minn sparatura tal-massa, dan ikun l-agħar qtil fuq livell hekk xokkanti mill-famuż massakru ta’ 35 persuna f’Tasmania, li seħħ fl-1996.
Il-belt ta’ Osmington, li m’għandhiex xi popolazzjoni kbira, tinsab lejn in-Nofsinhar ta’ Perth u 20 kilometru ’il bogħod minn Margaret River li hi zona popolari mat-turisti.