Lokali Parlament Saħħa

L-isfidi tal-Fibromyalgia diskussi fil-Parlament

L-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa l-ewwel konferenza dwar il-qagħda tal-persuni milquta mill-fibromyalgia, fil-Parlament.

L-Ispeaker irrefera għad-diffikultajiet tal-individwi milquta mill-mard ME, CFS u fibromyalgia u li ħafna minnhom jinsabu fi stat ta’ uġigħ kontinwu, minkejja li mad-daqqa ta’ għajn jidhru normali. Għal din ir-raġuni dawk milquta mill-fibromyalgia jissejħu wkoll persuni b’diżabilitajiet li ma jidhrux (invisible disabilities).

Din il-konferenza kienet opportunità biex il-morda u l-membri tal-ME, CFS u fibromyalgia jitkellmu dwar id-diffikultajiet tagħhom mal-membri tal-Parlament u kif jistgħu jiġu megħjuna biex ikun hemm titjib f’ħajjithom.

L-Ispeaker saħaq li għandu jitfassal pjan ta’ azzjoni filwaqt li titnieda kampanja nazzjonali dwar il-fibromyalgia. Għandu jintbagħat messaġġ lill-awtoritajiet kompitenti, lis-sidien tal-postijiet tax-xogħol u lill-professjonisti mediċi biex il-morda tal-ME, CFS u fibromyalgia tingħatalhom għajnuna kif ukoll kura biex l-għajxien tagħhom jitjieb.

Din il-laqgħa kienet organizzata mill-ME, CFS & Fibromyalgia Alliance – Malta, kienet indirizzata wkoll minn Souzi Makri, President, European Network of Fibromyalgia Associates (ENFA), mill-Professur Stephen Bevan, University of Lancaster and Institute of Employment Studies (UK), persuni li qassmu l-esperjenza iebsa ta’ dan il-mard u membri Parlamentari fosthom Chris Fearne, Anthony Agius Decelis, David Agius, Robert Abela, Maria Deguara, Salvino Grixti u Stephen Spiteri.