Lewis Hamilton għamel doppjetta għal Mercedes fiż-żewġ sessjonijiet ta’ provi liberi wara li spiċċa fuq quddiem fit-tieni sessjoni, iżda r-rivali Red Bull u Ferrari għalqu d-distakk f’dak li għal darba oħra mistenni jkun tmiem il-ġimgħa eċċitanti.
Hamilton kompla fuq dak li għamel Bottas fl-ewwel sessjoni u kien impressjonanti biex għamel ħin ta’ 1:18.259 fuq it-tyres soft. Iżda filwaqt li Mercedes kienu kważi sekonda vantaġġ fuq ta’ warajhom, fit-tieni sessjoni, Daniel Ricciardo spiċċa biss 0.133 ta’ sekonda wara Hamilton.
Max Verstappen kien ftit warajh fit-tielet post, b’Valtteri Bottas itemm il-ħames. Iż-żewġ sewwieqa għamlu l-aħjar ħinijiet tagħhom fuq it-tyres supersoft, bl-ewwel sitta jsibuha ftit diffiċli li jagħmlu l-aħjar ħin fl-aktar tyre veloċi.
Ferrari jidher li għal ġimgħa oħra qed iżommu t-tattika tagħhom għal provi uffiċjali. Sebastian Vettel li wkoll kien bit-tyres supersoft spiċċa r-raba’ b’0.326 ta’ sekonda bogħod minn Hamilton, b’Kimi Raikkonen fis-sitt post madwar nofs sekonda tard. Il-Finlandiż temm is-sessjoni bi problemi fil-magna u tal-anqas irnexxielu jdaħħal il-karozza fil-pits.
Romain Grosjean spiċċa l-ewwel mill-kumplament minkejja li tilef ftit il-kontroll aktar kmieni fis-sessjoni. Bir-riħ jinvolvi ruħu fiċ-ċirkwit, diversi karozzi tilfu l-kontroll momentarjament inkluż Hamilton, Bottas, Vettel, Raikkonen u Verstappen.
Sergio Perez kien sfurzat li jħalli l-Force India tiegħu fil-ġenb wara suspett li wieħed mit-tyres ma kienx marbut sew. McLaren kellhom l-ewwel sessjoni pożittiva wara li rranġaw l-imnieħer tal-karozza, iżda Stoffel Vandoorne spiċċaw biss fid-disa’ post fit-tieni sessjoni. Fernando Alonso temm fit-12-il post, madwar 1.7 ta’ sekonda wara Hamilton.
Renault ukoll jinsabu lura, iżda l-problemi tagħhom mhux kumparati ma’ dawk tal-Williams. Il-Pollakk Robert Kubica li hu s-sewwieq tar-riserva, saq ilbieraħ u ddeskriva l-esperjenza fl-ewwel sessjoni bħala imbarazzanti. Lance Stroll u Sergey Sirotkin batew ukoll. Huma kienu tliet sekondi bogħod minn dawk ta’ quddiem u ftit aktar minn sekonda bogħod mill-ewwel għaxra.
//= $special ?>