Lokali Qorti

Seraqhom waqt li kienu qed jieħdu r-ritratti tal-pre-wedding

B'20 sena storja ta' kriminalità, l-imputat ħareġ mill-ħabs tliet xhur ilu

Raġel bi storja twila ta’ kriminalità, u li għadu kif ħareġ mill-ħabs tliet xhur ilu, reġa’ xellef dufrejh mal-ġustizzja meta tressaq il-Qorti akkużat b’serq minn ġol-karozzi.

Ivan Galea ta’ 43 sena mill-Belt, magħruf bħala Nikita, tressaq il-Qorti akkużat li nhar l-Erbgħa li għadda seraq minn żewġ karozzi, fosthom karozza ta’ koppja li kienet qed tieħu r-ritratti tal-pre-wedding.

Il-prosekuzzjoni spjegat li l-karozzi kienu pparkjati qrib il-forti Sant’Iermu u r-raġel kien arrestat ftit wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni anonima. Malli kien arrestat, fuq ir-raġel instabu xi oġġetti misruqa – fosthom kartiera u mobile.

Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-avukati tal-imputat Franco Debono u Yanika Vidal biex ir-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm tinqata’ s-sentenza, u dan wara li l-prosekuzzjoni argumentat li r-raġel ilu għal dawn l-aħħar 20 sena bi storja ta’ kriminalità.

Imma filwaqt li ċaħdet it-talba għall-ħelsien proviżorju, il-Qorti – preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli – ordnat li r-raġel jingħata l-għajnuna għall-problema tad-droga. Il-każ għandu jkompli.