Internazzjonali

Tamiet għal żviluppi storiċi mal-Korea ta’ Fuq

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed jittama li s-summit storiku ta’ ftit ġimgħat oħra mal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq ‘iħalli riżultati ferm sinifikattivi’. Dan bil-għan li jkunu kontrollati l-ambizzjonijiet nukleari tar-reġim komunista fi Pyongyang.

Kien proprju Trump li, nhar il-Ħamis, bagħat messaġġ fuq Twitter biex jikkonferma  li  hu se jiltaqa’ mal-mexxej komunista, Kim Jong-un, f’Singapore, fit-12 ta’ Ġunju.

Trump, issa, qed isostni li ‘il-jum meta jirnexxilhom jiddenuklearizzaw il-peniżola tal-Korea ikun l-aktar mument kburi għalih u dawk li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-paċi.

Il-konferma ta’ Trump dwar il-lokalità tas-summit ingħatat sigħat wara li hu laqa’ lura tliet ex-priġunieri tal-Korea ta’ Fuq li ntbagħtu lura l-Istati Uniti. Dan kien jidher ċar bħala pass minn Pyongyang biex iwitti t-triq għas-summit bilaterali.

Intant, il-President Trump se jkollu biċċa xoghol iebsa biex jipperswadi lil Kim ħalli jwarrab għall-armi nukleari u l-provi għall-missili ballistiċi.

Fl-istess ħin, is-Segretarju ġdid tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, żar Pyongyang darbtejn fl-aħħar ġimgħat (darba minnhom bħala l-Kap tas-CIA) u ma kien hemm l-ebda sinjal ċar li l-Korea ta’ Fuq tista’ tkun lesta biex iċċedi l-armi nukleari li l-mexxejja tagħha ilhom iqisuhom ‘kruċjali għall-eżistenza tal-Istat komunista’.

Uffiċjali mal-White House f’Washington, mingħajr ma kienu speċifiċi, indikaw li s-summit bejn Trump u Kim Jong-un jista’ jitħassar ‘f’każ li l-Korea ta’ Fuq, fil-ġimgħat li ġejjin, twettaq xi ħaġa li ma tkunx aċċettabbli’.

Fiż-żmien li Trump ilu President Amerikan, Kim Jong-un issorvelja l-provi għall-armi biex iwassal messaġġ li l-militar ta’ pajjiżu hu qrib li jkollu l-missili fuq distanzi medji u fit-tul, flimkien ma’ armi atomiċi. Il-Korea komunista diġà pruvat il-missili fuq il-Baħar tal-Ġappun, bi prova partikulari tħasseb lill-esperti ‘dwar il-possibbiltà li l-militar ta’ Pyongyang jista’ ikun kapaċi biex jolqot art tal-Istati Uniti b’xi missila speċifika’.