Sport Waterpolo

It-tim ta’ taħt id-19-il sena tal-Waterpolo megħlub mir-Rumanija

MALTA…………..7

RUMANIJA……19

(2-4), (1-7), (3-4), (1-4)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena sofra l-ewwel telfa fil-grupp għall-kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew, b’telfa ta’ 19-7 kontra r-Rumanija. Ir-rebħa għar-Rumeni kienet meritata u hu mistenni li r-Rumanija tirbaħ il-grupp.

Bidu tajjeb għat-tim Malti li fetaħ l-iskor minn Mikhael Cutajar. Ir-Rumanija dawru l-iskor sakemm Jacob Sciberras għamilhom 2-2. Vlad Georgescu reġa’ poġġa lir-Rumanija minn fuq u Flavius Ilisie skorja minn man-up tmien sekondi minn tmiem l-ewwel sessjoni, gowl li witta t-triq għar-rebħa tar-Rumanija.

Dan għaliex huma ddominaw it-tieni sessjoni, b’erba’ gowls fl-ewwel nofs tas-sessjoni. Sciberras skorja t-tieni gowl personali biex għamilhom 8-3, iżda fl-aħħar żewġ minuti r-Rumanija skorjaw tliet darbiet u fetħu vantaġġ kbir ta’ tmien gowls.

Victor Antipa skorja t-12-il gowl tar-Rumanija fl-ewwel azzjoni tat-tielet sessjoni. Iż-żgħażagħ Maltin għamlu l-iskor aktar rispettabbli bi tliet gowls minn Ken Erdogan, Jacob Sciberras u Nikolai Zammit. Iżda r-Rumeni reġgħu kabbru d-distakk għal disa’ gowls bi tliet gowls fi ftit aktar minn minuta.

L-aħħar sessjoni kienet aktar kwieta. Victor Antipa għamilhom 16-6 f’nofs is-sessjoni. Nikolai Zammit skorja minn penalty, iżda fl-aħħar żewġ minuti u nofs ir-Rumanija skorjaw tliet darbiet għal skor finali ta’ 19-7.

It-tim Malti jilgħab it-tieni logħba għada s-Sibtm logħba li se tkun determinanti kontra s-Slovenja fit-8.30pm

Malta: T. Micallef, J. Bajada, K. Erdogan (1), J. Sciberras (3), J. Zerafa Gregory, T. Said, N. Zammit (2), L. Galea, J. Gambin, D. Zammit, M. Cutajar (1), M. Azzopardi, G. Ciappara

Rumanija: D. Dochian, D. Bota (1), M. Lutescu, V. Antipa (4), F. Ilisie (1), A. Vlasceanu, A. Albu (2), C. Andrei, P. Kari, V. Georgescu (6), F. Iudean (3), F. Czenk (2), S. Abrudan