Internazzjonali

Wara l-attakki Iżraeljani….’Is-Sirja għandha d-dritt għal difiza’

 

L-Iran qed jappoġġja ‘id-dritt tas-Sirja li tiddefendi lilha nnfisha’ wara li qawwiet ta’ Iżrael attakkaw siti qalb territorji Sirjani fejn, allegatament, kien hemm ‘infrastruttura militari tal-Iranjani’. L-Iran anki qed jikkundanna ‘l-abbuż sfaċċat tas-sovranità tas-Sirja min-naħa ta’ Iżrael’.

L-aħħar attakki militari ta’ Iżrael kienu l-aktar qawwija fuq is-Sirja għal għexieren ta’ snin. L-azzjonijiet seħħew wara li talanqas 20 missila kienu sparati lejn pożizzjonijiet tal-Armata ta’ Iżrael qalb l-Għoljiet tal-Golan li huma okkupati mill-Iżraeljani.

Iżrael qal li l-attakki fuq il-Golan kienu twettqu minn ajruplani tal-gwerra Iranjani, bl-Iran la jikkonferma jew jiċħad għal dan b’mod dirett.

L-Iżraeljani sostnew li l-ajruplani tal-gwerra tiegħu li ħadu sehem fl-attakki tal-Ħamis fuq is-Sirja ‘irnexxielhom jolqtu kważi l-infrastruttura kollha militari tal-Iranjani f’dak il-pajjiż’. L-assalt, intant, kien l-akbar wieħed min-naħa tal-Iżraeljani mill-bidu tal-konflitt ċivili Sirjan, fl-2011.