Futbol Sport

Bayern Munich jiċċelebraw ir-rebħ tal-kampjonat b’telfa

Il-captain Thomas Muller jgħolli t-trofew (Ritratt: EPA)

Bayern Munich iċċelebraw ir-rebħ tat-28 titlu fl-istorja u s-sitt wieħed mirbuħ b’mod konsekuttiv, b’telfa ta’ 4-1 fl-Allianz Arena.

Daniel Ginczek fetaħ l-iskor għal Stuttgart wara ħames minuti, iżda Corentin Tolisso ġab id-draw fil-21 minuta. Madankollu ħarba tajba ta’ Anastasios Donis wasslet biex Stuttgart daħlu jistrieħu 2-1 minn fuq. Chadrac Akolo għamilhom 3-1 fit-52 minuta b’daqqa ta’ ras minn qagħda tajba u tliet minuti wara, Ginczek skorja r-raba’ gowl mir-rebound wara li Ulreich salva mingħajr ma żamm.

Hoffenheim spiċċaw fit-tielet post wara li rebħu 3-1 kontra Borussia Dortmund, biex qabżuhom proprju fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat. Andrej Kramaric fetaħ l-iskor fis-26 minuta meta ħa vantaġġ minn żball tal-gowlkiper Burki u skorja b’konklużjoni fil-baxx.

Borussia Dortmund ġabu d-draw fit-58 minuta b’gowl mill-viċin u ftit fortunat ta’ Marco Reus. Hoffenheim reġgħu marru minn fuq ħames minuti wara b’Szalai jqabbeż fuq il-gowlkiper avversarju, biex Kaderabdek għalaq il-logħba kwarta mit-tmiem meta skorja minn pożizzjoni ċentrali wara taħwida fil-kaxxa.

Borussia Dortmund daħlu għaċ-Champions League b’differenza aħjar ta’ tliet gowls biss minn Bayer Leverkusen. Huma għelbu lil Hannover 3-2. Lucas Alario fetaħ l-iskor wara tliet minuti b’gowl minn pożizzjoni angolata, bl-istess plejer jirdoppja fit-18-il minuta wara li ħa vantaġġ minn żball difensiv.

Julian Brandt għamilhom 3-0 fil-55 minuta b’gowl minn pożizzjoni ideali. Niclas Fuellkrug naqqas id-distakk fid-90 minuta, b’Martin Harnik jiskorja t-tieni gowl mill-viċin ftit minuti wara.

Intant Hamburg kienu relegati għall-ewwel darba minn meta beda l-Bundesliga fl-1963, minkejja li rebħu l-logħba tagħhom, iżda Wolfsburg għelbu lil Cologne 4-1.

Il-partitarji tagħhom protestaw fil-Volksparkstadion lejn tmiem il-logħba, fejn tefgħu xi flares kemm fl-istands kif ukoll fil-pitch li kkawżaw id-dewmien ta’ tmiem il-logħba.

Minħabba li qatt ma kienu relegati, Hamburg kellhom arloġġ li juri kemm il-klabb ilu fil-Bundesliga. Il-pulizija Ġermaniża ħarġet fil-pitch biex tikkalma l-inkwiet, filwaqt li l-plejers kienu eskortati għal post aktar komdu.