Ambjent Lokali

FILMAT: Trakk jiġbed parti minn arkata storika f’San Ġiljan

Il-Pulizija ma tieħux passi għaliex min jieħu r-ritratti jrid jixhed

Trakk li kien ħiereġ wrong way minn Triq il-Karmnu lejn Triq il-Kbira, f’San Ġiljan, ġibed miegħu parti minn arkata storika u ħajt ta’ residenza privata f’din il-kantuniera.

Il-każ, li seħħ is-Sibt filgħodu, ġab l-kundanna ta’ bosta, li qalu li dan hu sintomatiku għall-infern li għaddejjin minnu l-Ġiljaniżi minħabba l-iżvilupp esaġerat fil-parti l-antika ta’ San Ġiljan.

Bħalissa għaddej il-kostruzzjoni fuq erbat idjar fl-istess ħin f’nofs Triq il-Karmnu. F’kummenti lil NET News, is-Sindku ta’ San Ġiljan, Guido Dalli, spjega li meta s-sidien jew il-kuntratturi japplikaw għall-permess għand il-Kunsill Lokali, dan jingħata ladarba l-kuntratturi jonoraw għadd ta’ talbiet tal-Kunsill, bħall-użu ta’ trakkijiet żgħar f’toroq dojoq.

Għalkemm hu evidenti l-ksur sfaċċat ta’ dawn it-talbiet, Dalli qal li il-Kunsill m’għandux ir-riżorsi li jinforza, bħal jibgħat il-Gwardjani Lokali jispezzjonaw. L-infurzar irid isir mill-Pulizija u mil-LESA, iżda minkejja bosta talbiet tal-Kunsill, mhux isir biżżejjed minnhom.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan diġà kkomunika ma’ għadd ta’ kuntratturi li jibgħatu inġenji kbar fi triq dejqa bħal Triq San Anġlu, bil-konsegwenza li kissru għalkollox l-irħam tat-taraġ taz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi. Minkejja li ġew ippreżentati ritratti lill-Pulizija, dawn naqqsu li jipproċedu għaliex riedu li jitilgħu jixhdu dawk li ġibdu l-istess ritratti.

Is-Sindku ta’ San Ġiljan temm li l-Kunsill se jkompli bil-ġlieda tiegħu li din il-parti tal-arkata storika u t-turġien tal-irħam tal-Knisja ta’ Lapsi jinbnew mill-ġdid bl-ispejjeż jitħallsu mill-kuntratturi rispettivi.

Min-naħa tiegħu, il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Ġiljan, Dun Claude Portelli, ilmenta ma’ NET News dwar kif iċ-ċentru storiku tal-lokalità irrenda f’sit wieħed tal-kostruzzjoni.

Qal li għalkemm issa hu kważi tard wisq biex iċ-ċentru jiġi ppreservat, appella lill-kuntratturi u lill-ħaddiema biex jirrispettaw lill-ġirien f’ħidmiethom. Temm billi rrimarka li l-flus rikbu kull sfera tas-soċjetà, bir-regħjba lis-sinjur jikseb kull rokna tal-gżira.