Ilbieraħ, waqt il-programm Xarabank fuq l-istazzjon nazzjonali, l-MEP tal-Partit Laburista Alfred Sant ‘żvela’ li ġurnalist barrani urieh email ta’ theddida li impjegat tad-De La Rue kien għamel lil Daphne Caruana Galizia. Waqt l-istess programm, Alfred Sant qal li din it-theddida ma kenitx fil-laptop ta’ Caruana Galizia li jinsab għand il-Pulizija, biex b’hekk ġie implikat li l-Pulizija ma tistax tinvestiga din it-theddida ladarba ma tafx biha.
Madanakollu, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa kien pront u fi stqarrija, spjega kif it-theddida li ‘żvela’ Alfred Sant, ma kienet sigrieta xejn, tant li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikatha fuq is-sit tagħha f’Ottubru ta’ sitt snin ilu, fl-2012. Fl-istqarrija, David Casa qal “Ħadd m’għandu bżonn il-laptop ta’ Daphne biex ikun jaf biha, kull m’għandu bżonn kompjuter bl-internet.” Hu sostna li hu oxxen il-mod kif il-Partit Laburista spiċċa juża dawn it-tip ta’ tattiċi dwar xi ħaġa tant sensittivi bħall-qtil ta’ ġurnalista Maltija.
“Kull darba li nħallsu l-kont tad-dawl, qed inħallsu aktar minħabba Konrad Mizzi”
Sadanittant, waqt l-istess dibattitu, David Casa qal li l-inklużjoni tas-SOCAR fil-provista tal-elettriku mingħajr ebda raġuni, qed tiswa’ lill-poplu Malti u Għawdxi €40 miljun kull sena, u jfisser li qed inħallsu aktar għall-elettriku minħabba Konrad Mizzi. Casa rrefera għas-SOCAR bħala waħda mill-aktar kumpaniji tal-enerġija korrotti fid-Dinja, u sfida lil Alfred Santa biex jagħti raġuni waħda għala l-Electrogas mhix tixtri direttament mingħand ix-Shell. Alfred Sant ma weġibx.
“Issa m’għadniex nitkellmu dwar suspetti ta’ korruzzjoni. Issa għandna l-provi li saru t-trasfrimenti fil-kumpanija 17 Black,” qal Casa b’rabta mal-$1.6 miljun trasferiti minn xi ħadd mill-Ażerbajġan u mill-aġenti tat-tanker tal-LNG.
David Casa qal ukoll li issa ġiet żvelata email li turi li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu qed jippjanaw biex idaħħlu $150,000 kull xahar minn 17 Black, biżżejjed biex jixtru appartament kull xahar.
L-MEP tal-Partit Nazzjonalista wieġeb bis-saħħa għall-akkużi ta’ Alfred Sant li dawk in-nies li jikxfu l-korruzzjoni qed jagħmlu l-ħsara l-Malta. David Casa qal li l-ħsara ssir mill-kriminali fil-poter li qed jisirqu mill-poplu Malti, u sfida lil Alfred Sant biex jassigura li l-politiċi korrotti jitneħħew mill-poter.
//= $special ?>