Lokali

FILMAT: Il-Gvern Laburista nefaq kważi €800,000 fi propaganda fuq it-televiżjoni

F’ħames snin ta’ Gvern Laburista, s’issa ntefqu kważi €800,000 f’reklamar fuq it-televiżjoni. Dak ifisser €160,000 fis-sena jew aktar minn €13,000 fix-xahar fi propaganda.

Din l-informazzjoni, li kienet ippreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti wara Mistoqsija Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, turi li l-aktar Ministeru li nefaq flus f’reklamar fuq it-televiżjoni kien dak tal-Ġustizzja u l-Kultura b’aktar minn €280,000. Minn dawn kien hemm aktar minn €37,000 relatati mal-attivitajiet tal-Valletta 2018.

It-tieni l-aktar Ministeru li nefaq flus f’reklamar fuq it-televiżjoni kien il-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura, b’aktar minn €145,000. Fost l-oħrajn, dan il-Ministeru hu responsabbli mit-trasport pubbliku, li ta’ kuljum għadu jirċievi kritika mill-poplu minħabba dewmien u nuqqas ta’ pjanar fis-servizz.

Kważi €130,000 oħra ntefqu mill-Ministeru għal Għawdex, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru nefaq kważi €100,000 oħra.

Dawn il-flus minfuqa ma jinkludux l-aktar minn €500,000 ewro, li fl-aħħar ħames snin il-Gvern nefaq fi propaganda stampata f’billboards.