Internazzjonali

Il-WHO qed tlesti għall-agħar minħabba l-Ebola fil-Kongo

Peter Salama, uffiċjal għoli responsabbli għall-emerġenzi fl-(Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), qal li l-organizzazzjoni qed tlesti għall-agħar wara li fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo reġgħet feġġet l-Ebola.
Jirriżulta li dawn il-każi ġodda tal-Ebola kienu bdew f’Diċembru u s’issa kkawżaw il-mewt ta’ persuna u hemm 11-il persuna oħra, fosthom żewġ infermiera, li hu suspettat li kienu infettati u li issa jinsabu taħt sorveljanza medika.
Il-każi feġġew qrib il-belt ta’ Bikoro. Il-WHO qalet li qed tibgħat it-tilqim lejn iz-zona fejn feġġew il-każi kif ukoll esperti biex jgħinu jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
F’Bikoro jgħixu aktar minn 163,000 persuna mifruxa tul zona ta’ 1,075 kilometru kwadru.
Salama qal li t-tilqim kien wieħed sperimentali u mhux is-soluzzjoni totali tal-kriżi Hu qal ukoll li pajjiżi ġirien kienu infurmati b’dak li qed jiġri f’Bikoro għalkemm qal li l-periklu li l-marda tinfirex lejn pajjiżi oħra kienet moderata. Min-naħa l-oħra l-periklu f’livell lokali kien deskritt bħala wieħed għoli ħafna.
Il-marda hi waħda kontaġuża u toqtol f’50 fil-mija tal-każi.
Il-marda tal-Ebola għadha ftit ta’ misteru għat-tobba. Hu suspettat li l-virus jinxtered minn friefet tal-lejl u l-bniedem jispiċċa infettat meta jiekol il-laħam ta’ annimali slavaġġ.
Fl-2014 kien hemm aktar minn 11,000 persuna li mietu minħabba l-Ebola wara epidemija li laqtet il-Guinea, Sierra Leone u l-Liberja. Barra minn hekk din hi d-disa’ darba li feġġet l-Ebola fil-Kongo – il-pajjiż fejn fl-1976 kien skopert għall-ewwel darba dan il-virus.