Il-Ġimgħa filgħaxija, il-Fondazzjoni AŻAD tat ġieħ lill-Professur Maestro Joseph Vella, li miet fil-25 ta’ Frar li għadda, f’serata mużiko-letterarja. Għal din is-serata, li ttellgħet fiċ-Ċentru AŻAD fil-Belt, kienu mistiedna fost l-oħrajn membri mill-familja Vella.
Tul is-serata saru diskorsi li fakkru l-aspetti personali u l-ħidma professjonali tal-Professur Vella f’Malta u lil hinn. F’messaġġ irrekordjat, it-Tenur Joseph Calleja tkellem dwar l-esperjenzi personali tiegħu mal-Maestro, minn meta ddebutta fil-kamp operistiku sa ftit ġimgħat qabel ma Joseph Vella ħalla din id-dinja.
Siltiet mużikali mill-pinna tal-Maestro Vella żewwqu s-serata, fosthom bin-noti tal-pjanista Ramona Zammit Formosa u l-vuċi tas-sopran Ruth Sammut Casingena, li interpretaw uħud mill-aqwa tax-xogħolijiet tiegħu. Fost is-siltiet li ndaqqew u tkantaw kien hemm żewġ kapulavuri letterarji: il-poeżija “Waħdi” tal-poeta Rużar Briffa u “Il-Kebbies tal-Fanali” ta’ Anton Buttiġieġ, li Vella kkompona l-mużika għalihom.
Indirizz ieħor matul is-serata sar mill-preżentatur ta’ “Marċi u Bandalori” fuq Radio 101, Joe Chetcuti, li tkellem dwar l-esperjenzi mużikali internazzjonali tal-Maestro Vella.
Rabta importanti tas-Surmast Vella kienet mas-Soċjetà Filarmonika La Stella tar-Rabat Għawdex, li kienet taħt id-direzzjoni tiegħu dakinhar stess li miet. F’isem din is-Soċjetà, il-President, il-Kavallier Paul Cassar, tkellem dwar kemm kien meqjus pilastru tal-banda Ġorġjana.
Il-Maestro Vella kellu rabta qawwija mal-baned Maltin, fosthom mal-Banda Konti Ruġġieru tal-Każin ta’ San Pawl tar-Rabat, Malta. F’isem din is-Soċjetà, tkellem is-Surmast James Chappell, li ttratta r-rabta ta’ Vella mal-Banda Konti Ruġġieru u r-raħal fejn kien jgħix, ir-Rabat Malta.
Fi tmiem is-serata, saru diversi preżentazzjonijiet lis-Sinjura Nathalie Vella, mart il-Maestro Vella.
//= $special ?>