Il-komunita tal-motorsport f’pajjiżna qamet maħsuda bl-aħbar li miet Lino Brincat, meqjus bħala leġġenda tal-motorsport lokali. Brincat prattika b’suċċess diversi dixxiplini tal-motorsport fosthom, il-go-karts, l-auto-cross, id-drag racing, iżda fuq kollox il-hill climb, l-aktar sport li kien għal qalbu.
Brincat beda l-karriera sportiva tiegħu fil-hill climb, iżda matul iż-żmien ipparteċipa anki fid-drag-racing u fl-auto-cross kemm fl-Imtarfa kif ukoll f’Ta’ Qali fejn saħansitra rebaħ żewġ kampjonati.
L-ewwel kampjonat tal-hill climb li rebaħ kien permezz tal-Alfa Sud, fejn proprju fis-snin 90 akkwista dik li baqgħet magħrufa bħala l-aktar karozza famuża ta’ Brincat, id-Dallara.
Permezz tad-Dallara, Lino Brincat ikkompeta diversi drabi fi Sqallija. L-aħħar kampjonat li Brincat rebaħ kien fl-2006 meta rebaħ il-Kampjonat tal-Hill climb organizzat mill-Island Car Club fl-età ta’ 58 sena.
Dawk aktar involuti fil-motorsport, jafu lil Lino Brincat bħala mekkaniku, tuner li kien ta’ għajnuna kbira għal diversi sewwieqa mod speċjali għal dawk li għażlu biex jikkompetu bil-karozzi Alfa Romeo, li tagħhom hu kien dilettant kbir.
Brincat se jibqa’ magħruf mad-dilettanti tal-motorsport għax-xogħol li kien jagħmel bi preċiżjoni u dedikazzjoni kbira, iżda fuq kollox għal karattru qalbieni u sportiv tiegħu. Hu se jibqa’ ispirazzjoni għal diversi sewwieqa.
//= $special ?>