Futbol Sport

Inter megħluba f’darhom minn Sassuolo

(Ritratt: EPA)

Inter raw it-tamiet tagħhom li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa jkomplu jonqsu wara li sfaw megħluba minn Sassuolo 2-1. B’dan ir-riżultat, Roma huma matematikament ċerti minn post fiċ-Champions League.

Rebħa għal Lazio għadatkun tfisser li Inter jinqatgħu mit-taqtigħa għal post fiċ-Champions League, filwaqt li bi draw jew telfa għal Lazio, Inter ikunu jridu jirbħu l-aħħar konfront proprju kontra Lazio biex jiksbu post fiċ-Champions League.

Sassuolo fetħu l-iskor fil-25 minuta bi free-kick ta’ MATTEO POLITANO li għadda minn taħt il-barriera ta’ Inter u ħalla lil Samir Handanovic iħares. Inter baqgħu jattakkaw fit-tieni taqsima, iżda kontra x-xejra tal-logħob, Sassuolo rduppjaw fit-72 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ DOMENICO BERARDI li għeleb lil Handanovic.

Inter daħlu fil-logħba fit-80 minuta bit-tieni gowl konsekuttiv ta’ RAFINHA li għeleb lil Andrea Consigli. It-tim ta’ Spalletti tefa’ kollox fuq l-attakk biex tal-anqas isalva punt, u fil-ħin miżjud kien Consigli li ċaħħad lil Eder.

Fil-logħba l-oħra, Benevento fl-aħħar partita f’darhom fis-Serie A, sellmu l-partitarji tagħhom b’rebħa f’darhom ta’ 1-0 fuq Genoa. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fis-87 minuta b’xutt għar-rokna ta’ fuq ta’ CHEICK DIABATE.