Is-servizzi sigrieti tal-Iraq flimkien ma’ dawk Amerikani rnexxielhom jaqbdu ħames uffiċjali għolja tal-ISIS hekk kif kienu qed jaqsmu l-fruntiera mas-Sirja.
L-arrest, li ra wkoll kooperazzjoni mis-servizzi sigrieti Torok, hu frott ħidma li kienet ilha sejra tliet xhur li matulhom l-uffiċjali tal-ISIS kienu qed jistkennu fis-Sirja u fit-Turkija.
L-uffiċjali maqbuda huma erba’ mill-Iraq u wieħed mis-Sirja, b’dan tal-aħħar ikollu r-responsabbiltà tat-tmexxija tat-territorju tal-ISIS madwar Deir al-Zour fis-Sirja. Fost dawk arrestati hemm ukoll Ismail Alwaan al-Ithawi, Iraqin magħruf bil-laqam Abu Zeid al-Iraqi. Hu kien deskritt bħala qrib ħafna ta’ Abu Bakr al-Baghdadi, il-mexxej tal-ISIS.
Ithawi ntqal kien responsabbli tad-deċiżjonijiet reliġjużi fit-territorju kontrollat mill-ISIS kif ukoll l-edukazzjoni u parti mill-kumitat responsabbli għas-sigurtà tat-territorju tal-ISIS. Ithawi kien qed jgħix fit-Turkija taħt l-isem ta’ ħuh flimkien mal-mara Sirjana tiegħu. Hu kien arrestat mit-Torok fi Frar u mbagħad estradat lejn l-Iraq.
Mill-interogazzjoni tiegħu mbagħad sar magħruf fejn kienu mistoħbija uffiċjali għolja tal-ISIS.
L-informazzjoni li nkisbet waslet ukoll għal attakk mill-ajru Amerikan qrib Hajin fis-Sirja. Attakk li fih nqatlu 39 membru tal-ISIS.
Imbagħad Ithawi ntuża biex jagħmel nasba lil sħabu li kienu mistoħbija fis-Sirja biex jikkonvinċihom jiġu l-Iraq. Nasba li wasslet għall-arrest tal-uffiċjali tal-ISIS.
Il-grupp kien jinkludi wkoll li Saddam al-Jammel, Sirjan li kien responsabbli għat-tmexxija tat-territorju madwar Deir al-Zour, u Abu Abdel al-Haq, Iraqin li kien kap tas-sigurtà interna għall-grupp militanti Iżlamiku.
Jinqabdu ħames uffiċjali għolja tal-ISIS


