Internazzjonali

Mara fl-Indja tinqatel għax ħasbuha se taħtaf it-tfal

Aktar minn 30 persuna kienu arrestati wara li mara ta’ 55 sena nqatlet fl-Istat Indjan ta’ Tamil Nadu.
Il-qtil seħħ fost għajdut u messaġġi foloz fuq Whatsapp dwar ħtif ta’ tfal f’dan l-Istat Indjan.

Jidher li l-mara tat xi ħelu lit-tfal u fil-pront inġabret folla li attakkat il-mara u l-familja tagħha. Jidher li l-familja kienet qed tivvjaġġa bil-karozza f’ Tiruvannamalai meta waqfet titlob id-direzzjoni lejn post. Hawn il-mara rat xi tfal jilgħabu u offritilhom il-ħelu. Fil-pront inġabret folla nies mal-karozza li mbagħad ħebbet għalihom.

Erba’ persuni oħra li kienu fil-karozza mal-mara ndarbu serjament.

Kien hemm ukoll raġel li kien arrestat mill-Pulizija talli xerred il-messaġġi fuq Whatsapp li kienu qed jinħatfu t-tfal.

Inċidenti fejn in-nies jieħdu l-liġi f’idejhom partikularment fiz-zoni rurali tal-Indjan mhux rari. F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm diversi każi ta’ nies iħebbu għal persuni għaliex jaħsbu li jkunu se jaħtfu t-tfal.

Ix-xahar li għadda raġel issawwat sal-mewt wara li folla nies ħasbet li kien qed idur it-toroq jipprova jaħtaf it-tfal.