Lewis Hamilton se jibda l-Grand Prix ta’ Spanja fuq quddiem wara li għeleb lil sieħbu tal-Mercedes Valtteri Bottas biex rebaħ il-pole position f’taqtigħa missielta. Hamilton għamel ħin ta’ minuta, 16-il sekonda .173, b’distakk ta’ 0.04 ta’ sekonda fuq Bottas.
Din kienet l-ewwel darba dan l-istaġun li ż-żewġ karozzi tal-Mercedes se jibdew fuq quddiem. Hamilton temm ukoll is-sensiela ta’ Vettel, bil-Ġermaniż jirbaħ il-pole position fl-aħħar tliet Grand Prix. Mercedes iddominaw it-tliet sessjonijiet ta’ prattika u għal darba oħra urew il-pass tagħhom.
Warajhom fit-tieni filliera, se jkun hemm il-koppja tal-Ferrari magħmula minn Sebastian Vettel u Kimi Raikkonen, filwaqt li l-koppja tar-Red Bull Max Verstappen u Daniel Ricciardo se jibdew mill-ħames u s-sitt post.
Riżultat pożittiv għal Haas, b’Kevin Magnussen jidħol fis-seba’ post filwaqt li Romain Grosjean daħal fl-għaxar post. Sessjoni pożittiva wkoll għal McLaren, bl-Ispanjol Fernando Alonso se jibda t-tiġrija fit-tmien post segwit minn Carlos Sainz.
Iżda sieħeb Sainz, Nico Hulkenberg kien eliminat fl-ewwel fażi. Il-Ġermaniż temm fis-16-il post wara li għamel biss id-dawra qabel il-ħin minħabba pressjoni tal-fuel.
Marcus Ericsson tas-Sauber u Sergey Sirotkin tal-Williams kienu eliminati wkoll, bir-Russu għandu penalità ta’ tliet postijiet wara ħabta ma’ Sergio Perez fl-aħħar tiġrija f’Baku.
Brendon Hartley ma ħax sehem fil-provi uffiċjali wara li Toro Rosso ma setgħux isewwu l-karozza tiegħu fil-ħin minħabba inċident li kellu fit-tielet sessjoni ta’ prattika.
//= $special ?>