Internazzjonali

Tamiet għal laqgħa ‘ferm sinifikanti’ mal-Korea ta’ Fuq

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qed jittama li s-summit storiku ta’ ftit ġimgħat oħra mal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq ‘iħalli riżultati ferm sinifikattivi’. Dan bil-għan li jkunu kontrollati l-ambizzjonijiet nukleari tar-reġim komunista fi Pyongyang.
Kien proprju Trump li, nhar il-Ħamis, bagħat messaġġ fuq Twitter biex jikkonferma li hu se jiltaqa’ mal-mexxej komunista, Kim Jong-un, f’Singapore, fit-12 ta’ Ġunju.
Trump, issa, qed jagħmel enfasi ‘fuq l-impenn tiegħu u ta’ Kim Jong-un biex, permezz tas-summit, iwasslu għal mument speċjali ħafna rigward il-Paċi Dinjija’. Il-President Amerikan sostna li ‘il-jum meta jirnexxilhom jiddenuklearizzaw il-peniżola tal-Korea ikun l-aktar mument kburi għalih u dawk li għandhom għal qalbhom l-interessi tal-paċi.
F’Marzu, Trump kien issorprenda lid-dinja meta aċċetta invit biex jiltaqa’ ma’ Kim waqt summit bla preċedent għal President Amerikan kif ukoll għal Mexxej tal-Korea ta’ Fuq.
Il-konferma ta’ Trump dwar il-lokalità tas-summit ingħatat sigħat wara li hu laqa’ lura tliet ex-priġunieri tal-Korea ta’ Fuq li ntbagħtu lura l-Istati Uniti. L-ajruplan li wassal lill-eks-priġunieri niżel nhar il-Ħamis fil-Joint Base Andrews qrib Washington u dan kien jidher ċar bħala pass minn Pyongyang biex iwitti t-triq għas-summit bilaterali.
Intant, il-President Trump se jkollu biċċa xoghol iebsa biex jipperswadi lil Kim ħalli jwarrab għall-armi nukleari u l-provi għall-missili ballistiċi. Iż-żewġ mexxejja, xhur ilu, kienu involuti fi gwerra bil-kliem dwar l-attentati tal-Korea komunista biex tibni arma nukleari ‘li twassal sal-Istati Uniti’, iżda t-tensjoni naqset ħafna mindu l-Korea ta’ Fuq ( fi Frar) ipparteċipat fl-Olimpjadi tax-Xitwa li saru fil-Korea t’Isfel.
Fl-istess ħin, is-Segretarju ġdid tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, żar Pyongyang darbtejn fl-aħħar ġimgħat (darba minnhom bħala l-Kap tas-CIA) u ma kien hemm l-ebda sinjal ċar li l-Korea ta’ Fuq tista’ tkun lesta biex iċċedi l-armi nukleari li l-mexxejja tagħha ilhom iqisuhom ‘kruċjali għall-eżistenza tal-Istat komunista’.
Sadnittant, Trump, jiem ilu, tkellem bit-telefon mal-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, fost rapporti li ‘l-mexxejja huma tal-istess fehma li l-Korea ta’ Fuq għandha tabbanduna l-programm għall-armi nukleari’. Dan meta l-Ġappun jinkwieta li jista’ jisfa mira għall-ewwel użu potenzjali ta’ armi nukleari mir-reġim fi Pyongyang.
Uffiċjali mal-White House f’Washington, mingħajr ma kienu speċifiċi, indikaw li s-summit bejn Trump u Kim Jong-un jista’ jitħassar ‘f’każ li l-Korea ta’ Fuq, fil-ġimgħat li ġejjin, twettaq xi ħaġa li ma tkunx aċċettabbli’.
Min-naħa tiegħu, Chuck Schumer, l-ogħla rappreżentant Demokratiku fis-Senat Amerikan, wissa lil Trump ‘biex ma jgħaġġilx bl-aġenda tiegħu f’Singapore’. Schumer irid li Trump jinsisti għall-impenji konkreti ta’ diżarm ‘li jistgħu jkunu verifikati’ mill-Korea komunista, iżda jinkwieta li l-President Amerikan, fil-ħerqa tiegħu biex jasal għall-konklużjoni, ‘jilħaq ftehim ħażin u li ma jibqax effettiv għal ħafna żmien’.
Fiż-żmien li Trump ilu President Amerikan, Kim Jong-un issorvelja l-provi għall-armi biex iwassal messaġġ li l-militar ta’ pajjiżu hu qrib li jkollu l-missili fuq distanzi medji u fit-tul, flimkien ma’ armi atomiċi. Il-Korea komunista diġà pruvat il-missili fuq il-Baħar tal-Ġappun, bi prova partikulari tħasseb lill-esperti ‘dwar il-possibbiltà li l-militar ta’ Pyongyang jista’ ikun kapaċi biex jolqot art tal-Istati Uniti b’xi missila speċifika’.