Minkejja li għadhom kemm rebħu d-double, iċ-champions Valletta diġà bdew jaħdmu biex isaħħu l-iskwadra tagħhom. Ftit jiem ilu tħabbar li l-barranin Claudio Pani, Romeu Romao u Uchenna Umeh mhux se jibqgħu mal-klabb.
F’kollegament radjofoniku fuq Replay Ikompli t-Tnejn li għadda, il-President ta’ Valletta Victor Sciriha kkonferma li l-barranin Matteo Piciollo, Santiago Malano, Enmy Pena Beltre, Miguel Alba u Raed Saleh se jibqgħu ma’ Valletta.
Il-Beltin issa żiedu lill-attakkant Taljan Mario Fontanella li ngħaqad magħhom wara li spiċċalu l-kuntratt minn ma’ Floriana. Fontanella kien ilu mal-Greens għal dawn l-aħħar tliet staġuni fejn magħhom rebaħ l-FA Trophy.
Il-plejer Taljan kien rebaħ l-aqwa skorer fl-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna fl-istaġun 2015/2016 b’20 gowl. Fl-istaġun ta’ wara, Fontanella kien spiċċa t-tielet fil-lista tal-aqwa skorers b’14-il gowl u fl-istaġun li għadu kemm intemm, skorja 17-il gowl.
//= $special ?>