Lokali

AĠĠORNATA: “Flimkien nistgħu ndawru l-isfidi f’opportunitajiet”

Il-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema 'Infasslu Futur Flimkien'

“Flimkien nistgħu ndawru l-isfidi f’opportunitajiet. Id f’id mal-Kap Adrian Delia”. Hekk qalet il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Kristy Debono fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali li saret dalgħodu.

Kristy Debono qalet ukoll li dan kien Kunsill Ġenerali li tfassal b’mod ġdid.

Irringrazzjat lit-tmexxija kollha li ħadmet fuq dan il-Kunsill.

Fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali, il-President Kristy Debono awgurat lil Nickie Vella de Fremeaux għall-ġurnata ta’ Jum l-Omm.

Amanda Abela, il-kordinatriċi tal-Kunsill Ġenerali, semmiet il-punti li ħarġu mill-ġimgħa sħiħa ta’ laqgħat fil-każini tal-PN. Fost dawn it-temi kien hemm l-IVF, l-importanza tal-media tal-PN, is-sehem taż-żgħażagħ fil-partit u l-proġetti li wettaq il-PN meta kien fil-Gvern.

Il-Kunsill Ġenerali kien indirizzat ukoll minn numru ta’ professjonisti u persuni li ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja.

It-tabib Gabriel Ellul qal li illum Malta għandha deficit ta’ prinċipji. “Jekk ninsew il-prinċipji se nkunu qed nimxu lura, u mhux ‘il quddiem”.

L-istudenta Nicole Zammit spjegat għaliex hi qed tara quddiemha partit li hu miftuħ għaż-żgħażagħ. Semmiet ukoll l-importanza li aktar tfajliet ikunu nvoluta fil-politika, inkluż permezz tal-inizjattiva ‘Team Start’.

Anke l-avukat Karl Muscat tkellem dwar il-valuri li partit għandu jħaddan; it-twemmin li jinfluwenza d-deċiżjonijiet li nieħdu. Fid-diskors tiegħu, Muscat qal li l-Gvern qed ikisser il-valuri ta’ pajjiżna.

Tkellem ukoll Joe Woods illi enfasizza fuq il-ħtieġa li partit jaħseb ‘outside the box’ u jkun kreattiv. Preżenta ukoll il-kunċett li Malta ssir ħolqa bejn il-Mediterran, l-Ewropa u l-Commonwealth.

Il-Professur Joseph Grima tkellem dwar ir-riċerka, u l-importanza li nużaw id-don tal-ħsieb. Hu saqsa kemm Malta qed tagħmel biżejjed biex ikollna aktar riċerkaturi. “Fil-qasam tar-riċerka, Malta tinsab fl-aħħar post”, qal il-Professur Grima.

It-tabib Daniel Vella Fondacaro, filwaqt li qal illi hu mhux espert tal-politika, sostna li madwarna hawn ħafna nies b’esperjenzi diversi li kull politiku għandu jagħti kashom. Hu qal li bħala ċittadin jinsab imħasseb fuq il-valuri li tilef pajjiżna, u l-aktar minħabba li m’għandniex viżjoni għall-futur.

Emma Portelli Bonnici, Segretarju Ġenerali tal-PN, wasslet messaġġ qawwi favur l-involviment dirett taż-żgħażagħ fil-PN, inkluż permezz tal-inizjattiva l-ġdida ‘Team Start’. Ma’ din, hemm ukoll l-inizjattiva ‘Viżjoni MŻPN’ permezz ta’ numru ta’ konferenzi li se jsiru fix-xhur li ġejjin.

Justin Schembri, li hu edukatur u kandidat tal-PN, tkellem dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċjaw numru ta’ ġenituri li t-tfal tagħhom għandhom bżonn ħafna għajnuna. “Kulħadd jista’ jirnexxi jekk nemmnu fl-individwalita’ tal-istudenti”, qal Schembri.

L-avukat Bernard Grech minn naħa tiegħu saħaq illi biex partit ikollu suċċess, irid ikun relevanti. U waqt li tħaddan il-valuri, tilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ ħafna individwi. L-avukat Grech tkellem fost l-oħrajn dwar l-inġustizzji li qed jiffaċjaw diversi persuni – inġustizzji li “l-ebda surplus mhu se jtaffi jew inessi”.

Bernard Grech qal li PN irid jerġa’ jinbidel f’partit li jmiss il-qalb.

F’diskors ieħor qawwi, is-Soċjologu Michael Briguglio qal li l-Gvern ta’ Muscat lest ibiegħ kollox, inkluż ġisem il-mara – Gvern li jippremja lill-korrotti. Minn naħa l-oħra, hu saħaq li l-PN irid ikun il-vuċi ta’ min qed jgħix fil-prekarjat u fis-solitudni.

Briguglio qal li hu irid jikkontribwixxi fit-tim li qed ifassal futur flimkien.

L-avukat Frank Psaila qal li f’dan il-Kunsill Ġenerali wassal il-messaġġi li qed jaslulu mingħand in-nies. “Issa hu l-mument li naħdmu flimkien mal-Kap tagħna Adrian Delia biex il-partit ikompli jissaħħaħ u jirbaħ”, qal Frank Psaila.

(Ritratti: Matthew Tabone)