Ġurnata wara li ħarġet l-aħbar li se jitlef it-Tazza tad-Dinja minħabba li weġġa’ l-irkoppa, Dani Alves qal lill-partitarji tiegħu biex ma jibkux għalih u li se jirritorna.
Alves li jilgħab ma’ Paris Saint Germain, ħareġ izappap lejn tmiem il-finali tat-Tazza Franċiża li PSG rebħu kontra Les Herbiers it-Tlieta li għadda. It-tobba qalu li jista’ jdum sa sitt xhur barra, wara li weġġa’ l-ligament tal-lemin tal-cruciate.
Iżda Alves, li rebaħ tliet darbiet iċ-Champions League, il-Copa America u titli fi Spanja, l-Italja u Franza jħares lejn din l-isfortuna b’mod differenti. “Ma rrid lil ħadd jibki għalija. Ma rrid ħadd li jitħassarni. Jien għext il-ħolm tiegħi,” qal Alves.
Dani Alves jemmen li l-Brażil tista’ tirbaħ it-Tazza tad-Dinja għal rekord sitt darbiet. Il-plejer ta’ 35 sena wissa wkoll kontra dawk li qed jgħidu li din kienet se tkun l-aħħar kompetizzjoni għalih. “Ma nikkunsidrax lili bħala veteran. Kif tistgħu taraw, l-ispirtu tiegħi hu ta’ 13-il sena. Min jaf, forsi meta tasal it-Tazza tad-Dinja tal-2022 fil-Qatar, inkun għadni qed nikkompeti għal post fit-tim nazzjonali. Ġismi jkollu 39 sena, iżda l-ispirtu tiegħu jkollu biss 17-il sena.”
Il-Brażil tiftaħ it-Tazza tad-Dinja tagħhom fis-17 ta’ Ġunju b’logħba kontra l-Iżvizzera qabel ma’ jilagħbu kontra l-Costa Rica u s-Serbja.
Intant it-tabib tat-tim nazzjonali Brażiljan Rodrigo Lasmar qal li Neymar mistenni jirkupra fil-ħin għall-ewwel minn żewġ partiti ta’ ħbiberija li l-Brażil għandhom fit-3 ta’ Ġunju kontra l-Kroazja. Il-plejer ta’ PSG ilu ma jilgħab minn Frar.
//= $special ?>