Internazzjonali

Harry u Meghan jistgħu jsiru d-Duka u Dukessa ta’ Sussex

Skont indikazzjonijiet minn sorsi qrib il-Familja Rjali Britannika, l-attriċi Amerikana, Meghan Markle, ‘mistennija ssir’ id-Dukessa ta’ Sussex ladarba tiżżewweġ lill-Prinċep Harry, ‘il quddiem dan ix-xahar.

B’hekk, Markle għandha ssir membru sħiħ tal-Familja Rjali, u fejn in-nies jibdew jirreferu għaliha bħala ‘Her Royal Highness’.

Skont it-tradizzjoni, l-irġiel fil-Familja Rjali jingħataw titlu dakinar stess li jiżżewwġu, bil-Prinċep Harry qed jidher ‘viċin it-titlu tad-Duka ta’ Sussex’. Hu għandu jingħata l-unur personalment mingħand in-nanna tiegħu, ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra.

It-titli Duka u Dukessa ta’ Sussex qed jidhru bħala ‘l-akbar possibbiltà’ għaliex it-titli fil-ġerarkija rjali huma pjuttost limitati.

Ismijiet bħal Clarence u Connaught mhumiex meqjusa bħala ideali waqt li huma sospiżi d-dukedoms ta’ Cumberland, Albany u Teviotdale.

L-isem Windsor – li kien uża Edward VIII li abdika minn kap tal-monarkija – ukoll mhux mistenni li jkun ikkunsidrat. L-aħħar Dukessa ta’ Windsor, Wallis Simpson, kienet l-ixprun wara l-kriżi tal-abdikazzjoni ta’ Edward, fl-1936, u, l-istess bħal Meghan Marke, kienet ċittadina Amerikana.

Filwaqt li mhux impossibbli li l-Prinċep Harry ( li ismu formali hu l-Prinċep Henry ta’ Wales) jirrifjuta titlu, ħaġa bħal din għandha titqies bħala sorpriża.

F’dan il-każ, Meghan issir magħrufa bħala HRH il-Prinċipessa Henry ta’ Wales. Hi mhix intitolata li tkun il-Prinċipessa Meghan għaliex mgħandhiex demm irjali u minħabba l-fatt li hi qed issir parti mill-familja ta’ Harry bis-saħħa taż-żwieġ.