Lokali

Il-Vanilla laħqet prezzijiet rekord u qabżet il-prezz tal-fidda

Wara li fil-jiem li għaddew il-vanilla – prodott intużat spiss ħafna fil-kċina l-aktar għall-manifatturar ta’ ħelu u ġelati – laħaq prezzijiet rekord tant li qabżu l-prezz tal-fidda, issa mistennija li l-prodotti li fihom jintuża dan l-ingredjent jogħlew sostanzjalment.

Fuq livell internazzjonali diġà din il-mewġa ta’ prezzijiet ferm ogħla għall-vanilla qed twassal biex jintlaqtu l-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom fir-Renju Unit fejn ċerti prodotti magħmula mill-vanilla – fosthom ġelati u kejkijiet – qed ikollhom żidiet sinifikanti fil-prezz tagħhom.

Jirriżulta li b’mod approssimattiv, il-prezz tal-vanilla sar mal-€500 għal kull kilo biex hekk dan il-prezz qabeż dak tal-fidda.

Għalkemm hemm min qed jargumenta li dawn iż-żidiet fil-prodott tal-vanilla mhux neċessarjament li se jkollhom impatt negattiv fuq bejjiegħa u prodotti rinnomati kbar, min-naħa l-oħra jafu jkunu ta’ detriment qawwi għal negozji żgħar li ma jkunux kapaċi jassorbu huma dawn iż-żidiet.

Fuq livell lokali kelliem għal kumpanija kbira qalilna li sa issa dawn huma prezzijiet ġodda u wieħed irid janalizza sew kif se jolqtu lis-suq Malti.

“Hemm diversi għażliet minn fejn wieħed jaqbad x’jagħmel. Hemm l-eħfef waħda li ż-żidiet jgħaddihom fuq il-konsumaturi u fuq il-kijenti. Imma hemm ukoll l-għażla li tkun il-kumpanija li tassorbi hi dawn il-prezzijiet,” qalilna d-dulċier li il-mument tkellem miegħu.

Hu kompla li kollox għadu fil-bidu tiegħu u l-vanilla ilha ftit ftit tgħolli rasha fil-prezz tagħha, iżda issa f’daqqa waħda kienet hemm żieda drastika.

“Naturalment f’suq bħal tagħna wieħed irid janalizza wkoll l-aspett tal-kompetizzjoni. Jekk il-prodott hu diġà manifatturat minn barra, allura l-probabbiltà l-kbira hi li dan se jiġi diġà ogħla minn barra. Jekk il-prodott se jiġi bħala materja prima biex jinħadem f’Malta, allura jaf jiġi ogħla xorta waħda iżda min jaħdmu lokalment jagħżel li biex jibqa’ kompetittiv jagħmel tajjeb hu għall-prezz ogħla li bih jirċievi l-konsenja,” kompla jgħidilna dan il-kelliem ta’ kumpanija kbira li kull sena tikkonsma volum qawwi ta’ vanilla.

Hu żied li naturalment mhux il-produtturi kollha jistgħu jassorbu huma dawn iż-żidiet. Kif ġara u qed jiġri barra minn Malta, il-produtturi l-kbar probabbilment li għalissa se jkunu qed jassorbu huma dawn il-prezzijiet ogħla, iżda l-produtturi żgħar probabbilment li ma jkunux jifilħu jassorbu huma dawn iż-żidiet.

Dan id-dulċier żied jispjega li mbagħad hemm għażla oħra li l-produttur jista’ jagħmel… dik li għal mument ma jibqax jipproduċi prodotti magħmula mill-vanilla u jillimita l-użu tal-prodott biss għal ċerti items fejn min jixtrihom u jikkonsmahom ikun jaf li se jħallas prezz ogħla għall-istess prodotti.

Hu kompla li wieħed mill-ġeneri ta’ xogħol li se jkunu effettwati żgur se jkun dak tal-ħelu, anzi preċiżament il-ġelati u proprju issa meta se nidħlu fl-istaġun tal-ġelati – għalkemm illum il-ġurnata l-ġelati huma kkonsmati s-sena kollha – dawn iż-żidiet fil-prodott tal-vanilla se jwasslu biex iva ċertu ġelati jkollhom prezz awmentat minn kif inhu fil-preżent.