Il-karriera ta’ Arsene Wenger ma’ Arsenal intemmet fuq nota pożittiva, b’Arsenal jegħlbu lil Huddersfield 1-0. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fit-38 minuta, bi Pierre-Emerick Aubameyang jiskorja mill-viċin f’azzjoni mill-isbaħ.
Michael Carrick temm il-karriera tiegħu b’rebħa wara li Manchester United għelbu lil Watford 1-0. Il-gowl tar-rebħa kien skorjat fl-34 minuta meta Juan Mata għeleb in-nasba tal-offside minn ballun fit-tul ta’ Carrick u b’mod altruwistiku għadda lejn Marcus Rashford li skorja minn qagħda ideali.
Iċ-champions Manchester City irnexxielhom jgħaqqdu l-100 punt fil-kampjonat b’rebħa ta’ 1-0 fuq Southampton. Gabriel Jesus skorja l-gowl deċiżiv fil-ħin miżjud b’lob sabiħ fuq Alex McCarthy.
Liverpool assiguraw mir-raba’ post b’rebħa ta’ 4-0 fuq Brighton. Huma fetħu l-iskor fis-26 minuta b’xutt fil-baxx għar-rokna tas-solitu Mohamed Salah, u rduppjaw fl-40 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Dejan Lovren. Dominic Solanke għalaq il-logħba fit-53 minuta b’xutt b’saħħtu biex Andrew Robertson issiġilla r-rebħa ħames minuti mit-tmiem.
Chelsea temmew il-kampjonat bl-agħar mod b’telfa ta’ 3-0 kontra Newcastle. Dwight Gayle fetaħ l-iskor fis-26 minuta meta kompla għal ġewwa bir-ras, wara li Courtois kien salva parzjalment minn fuq il-linja. Ayoze Perez irdoppja mas-siegħa logħob meta kompla għal ġewwa xutt ta’ Jonjo Shelvey, biex l-istess għamilhom tlieta ftit wara meta kompla għal ġewwa mill-viċin.
West Ham għelbu lil Everton 3-1. Manuel Lanzini fetaħ l-iskor fid-39 minuta b’xutt għar-rokna u rduppjaw fit-63 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Marko Arnautovic. Baye Niasse naqqas id-distakk kwarta mit-tmiem, iżda reġa’ kien Lanzini li għalaq il-logħba b’xutt mill-isbaħ.
Swansea sellmu l-Premier League b’telfa ta’ 2-1 kontra Stoke. Kienu Swansea li fetħu l-iskor fl-14-il minuta minn Andy King, iżda Stoke ġabu d-draw fil-31 minuta minn Badou Ndiaye. Peter Crouch skorja l-gowl tar-rebħa qabel tmiem l-ewwel taqsima b’daqqa ta’ ras.
Tottenham għelbu lil Leicester 5-4. Jamie Vardy fetaħ l-iskor wara erba’ minuti b’daqqa ta’ ras għar-rokna, iżda Tottenham ġabu d-draw tliet minuti wara b’xutt fil-baxx ta’ Harry Kane.
Leicester reġgħu marru minn fuq fis-16-il minuta b’xutt għar-rokna ta’ Riyad Mahrez u saħansitra għamluhom tlieta fit-48 minuta b’xutt sabiħ ta’ Ihenacho. Reazzjoni immedjata ta’ Tottenham li minuta wara naqsu d-distakk minn Erik Lamela, biex erba’ minuti wara awto-gowl ta’ Fuchs għamilhom 3-3.
Lamela poġġa lil Tottenham minn fuq għall-ewwel darba mas-siegħa logħob, iżda reġa’ kien Jamie Vardy li ġab id-draw fit-73 minuta. Madankollu ftit sekondi wara, Harry Kane skorja l-gowl tar-rebħa.
Burnley tilfu f’darhom 2-1 kontra Bournemouth. Gowl fortunat ta’ Chris Wood poġġa lil Burnley minn fuq fid-39 minuta. Bournemouth ġabu d-draw kwarta mit-tmiem b’xutt għar-rokna ta’ Joshua King, biex Callum Wilson skorja l-gowl tar-rebħa fid-90 minuta.
Crystal Palace għelbu lil West Bromwich Albion 2-0. Wilfried Zaha fetaħ l-iskor fis-70 minuta, biex Patrick van Aanholt għalaq il-logħba fit-78 minuta.
//= $special ?>