Juventus aċċertaw mir-rebħ tas-seba’ kampjonat konsekuttiv bi draw ta’ mingħajr gowls kontra Roma. Napoli rebħu l-logħba tagħhom kontra Sampdoria iżda l-punt li ħadu Juventus kien biżżejjed biex jiddeċiedi matematikament il-kampjonat.
Lazio naqsu li jieħdu vantaġġ mit-telfa ta’ Inter, biex issa se jkun il-konfront dirett kontra Inter li jiddeċiedi min se jidħol fiċ-Champions League. Milan aċċertaw posthom li staġun ieħor jilagħbu fl-Europa League, bil-post l-ieħor għad irid ikun deċiż bejn Atalanta u Fiorentina li t-tnejn ma rebħux ilbieraħ. Sampdoria huma matematikament barra mit-taqtigħa għall-post fl-Ewropa.
It-taqtigħa għal min se jkun relegat għadha miftuħa, b’ħames timijiet għadhom jistgħu jkunu relegati.
BERGAMO – Milan aċċertaw minn post fl-Europa League bi draw ta’ 1-1 kontra Atalanta. Kif żvolġiet il-logħba, Milan dehru li tilfu żewġ punti minħabba li sofrew gowl lejn it-tmiem, iżda finalment irnexxielhom jaċċertaw dak li riedu.
Milan fetħu l-iskor mas-siegħa logħob b’xutt b’saħħtu minbarra l-kaxxa tal-eks FRANCK KESSIE li spiċċa fir-rokna tax-xibka, bil-gowlkper Berisha megħlub. Ħames minuti wara, Atalanta kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa Rafael Toloi għal żewġ karti sofor fi ftit ħin.
Milan ukoll kellhom plejer imkeċċi b’Riccardo Montolivo jintwera l-karta l-ħamra diretta. Atalanta rnexxielhom isalvaw il-logħba fid-90 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Andrea Masiello li għeleb lil Donnarumma, f’sitwazzjoni li l-gowlkiper Milanist seta’ għamel aħjar.
BOLOGNA – Tliet punti importanti wkoll għal Chievo li fi Stadio Renato dall’Ara għelbu lil Bologna 2-1. Kien Bologna li fetħu l-iskor wara 11-il minuta minn penalty ta’ SIMONE VERDI, iżda Chievo dawru l-iskor sal-ewwel kwarta tat-tieni taqsima, l-ewwel permezz ta’ EMANUELE GIACCHERINI, biex mas-siegħa logħob kien ROBERTO INGLESE li għamilhom 2-1.
CROTONE – Lazio naqsu li jassiguraw posthom fiċ-Champions League staġun ieħor wara li kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Crotone. B’hekk huma jinsabu tliet punti fuq Inter qabel id-dwell deċiżiv ġimgħa oħra.
Penalty diskutibbli ta’ SENAD LULIC poġġa lil Lazio minn fuq wara 17-il minuta. Crotone ġabu d-draw man-nofs siegħa logħob b’daqqa ta’ ras ta’ SIMY li għeleb lil Strakosha. It-tim ta’ Zenga mar fil-vantaġġ mas-siegħa logħob, b’FEDERICO CECCARINI jiskorja wara free-kick mil-lemin. Madankollu kien SERGEJ MILINKOVIC SAVIC li ġab id-draw fl-84 minuta b’xutt għar-rokna.
FIRENZE – Fiorentina tilfu tliet punti importanti fit-taqtigħa għal post fl-Europa League, wara li sfaw megħluba minn Cagliari 1-0. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fis-37 minuta permezz tal-attakkant LEONARDO PAVOLETTI.
RUMA – Juventus ħadu dak li riedu mill-konfront kontra Roma, fejn tal-anqas ġabru punt. Partita bilanċjata, biż-żewġ timijiet ikollhom ftit azzjonijiet kull wieħed. Il-partita ħadet żvolta oħra fit-68 minuta meta r-referee Paolo Tagliavento wera t-tieni karta safra lil Radja Nainggolan.
Minn hemm il-partita ħadet żvolta oħra, b’Juventus iżommu l-pussess u jistennew il-partita tispiċċa, fejn mat-tisfira finali bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers, staff u partitarji.
GENOVA – Napoli rritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Sampdoria 2-0. B’dan ir-riżultat, Sampdoria jinsabu barra mit-taqtigħa biex jiksbu post fl-Ewropa, filwaqt li Napoli naqqsu biss id-distakk minn ma’ Juventus.
Napoli fetħu l-iskor fit-72 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ta’ ARKADIUSZ MILIK li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. In-Naplitani għalqu l-logħba fit-80 minuta meta minn azzjoni ta’ korner, RAUL ALBIOL għeleb lil Vid Belec b’daqqa ta’ ras pjuttost ċentrali.
TURIN – Spal tilfu punti prezzjużi wara li sfaw megħluba minn Torino 2-1. ALBERTO GRASSI fetaħ l-iskor għal Spal fit-22 minuta, iżda ANDREA BELOTTI ġab id-draw fit-68 minuta, biex fis-87 minuta kien LORENZO DE SILVESTRI li skorja l-gowl tar-rebħa.
VERONA – Rebħa fondamentali għal Udinese li fi Stadio Bentegodi għelbu lil Verona 1-0. Gowl ta’ ANTONIN BARAK fl-20 minuta ddeċieda l-konfront favur it-tim ta’ Igor Tudor.
//= $special ?>