Frank Fabri, li fil-preżent jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, qiegħed jissemma’ li jista’ jingħata l-post ta’ Mario Cutajar bħala s-Segretarju Permanenti Ewlieni fiċ-Ċivil.
Persuni influwenti ħafna f’Kastilja qed jimbottaw lil Frank Fabri għal din il-kariga kemm għaliex hu persuna fdat ħafna minnhom, kif ukoll għaliex iridu persuna aktar żagħżugħa biex jokkupa din il-kariga.
Fl-aħħar ġimgħat, Mario Cutajar jidher li kien involut f’aktar inċidenti ta’ storbju u għajjat fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja u għalhekk hemm min qed jargumenta li jkun aħjar jekk Mario Cutajar jingħata rwol ieħor anqas impenjattiv.
Min-naħa l-oħra, hemm sigriet magħruf ukoll li l-Ministru Evarist Bartolo qatt ma kellu xi simpatija kbira ma’ Frank Fabri u kienet Kastilja li imponiet lil Frank Fabri bħala s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni.
It-tluq ta’ Frank Fabri mill-Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jwassal biex tinħoloq vakanza importanti fl-istess Ministeru iżda sa issa ma jidhirx li qed jissemmew xi ismijiet partikulari ta’ persuni biex jokkupawha.
Kastilja trid li bħala Segretarju Permanenti Ewlieni taċ-Ċivil ikun hemm mhux biss persuna fdata ħafna minnha, imma wkoll persuna b’dehra aktar friska u ġovanili minn dik ta’ Mario Cutajar, li hemm min qed jargumenta li żmienu issa skada sew tant li sar jitlifha malajr wisq!
//= $special ?>