Lokali

“Soċjeta’ li jimpurtaha” – il-viżjoni tal-Kap tal-PN Adrian Delia

Adrian Delia jelenka l-viżjoni tiegħu għall-politika tal-Partit Nazzjonalista

“Irridu soċjeta’ li jimpurtaha. Familji b’għixien diċenti. Ħolma għal Malta aħjar.”

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema ‘Nfasslu Futur Flimkien’, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn preżenta l-viżjoni tiegħu għall-pajjiż.

Fid-diskors tiegħu, hu saħaq li l-PN irid jiftaħ idejh beraħ għan-nies, b’ħidma mibnija fuq 5 pilastri. Dawn huma r-rispett u d-dinjita’ lejn il-bniedem, l-importanza li kulħadd ikollu għixien diċenti u kundizzjonijiet xierqa, li jkollna soċjeta’ li tħenn, pajjiż li jibni l-infrastruttura tal-futur u soċjeta’ li jimpurtha mill-identita’ tagħha.

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jħares lil Malta – din l-omm illi tatna ħafna”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia irrefera għal Malta bħala dik l-omm li qatt u qatt ma nistgħu inbigħuha. “Malta hi l-omm li ma nistgħux inwaqqgħulha wiċċha mal-art”. Hawn, hu saħaq illi ma nistgħux inħallu lill-Gvern iħammeġ isem Malta, u minflok għandna niffukaw fuq is-sabiħ ta’ din l-omm.

Il-Kap tal-PN għamel lista tal-affarijiet li qed jikkaġunaw ġerħa ambjentali f’Malta kaġun tad-deċiżjonijiet ta’ dan il-Gvern – il-bini ta’ inċeneratur li jaħraq il-plastik, tniġġis fl-arja li jġib il-mard, u kriżi fil-qasam tal-iskart.

Adrian Delia semma kif id-deċiżjonijiet tal-lum qed jiddeterminaw il-futur tagħna.

“Jien noħlom li uliedna jitgħallmu u mhux jistudjaw. Nemmen li l-ħaddiema tagħna għandhom dritt għal ħajja diċenti. Nemmen fl-anzjani tagħna. L-isfidi huma kbar, imma flimkien ċert li se naslu”.

Fil-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali, Adrian Delia sellem il-memorja tal-mibki Charles Thake, li ħalliena l-lejl li għadda.

Sellem ukoll lil ommu Alice, u b’apprezzament għal Jum l-Omm ġiet preżentata b’bukkett fjuri. Hawn hu sellem fost l-oħrajn lil martu Nickie Vella de Fremeaux, li hi omm ta’ ħamest itfal, u hi wkoll ġiet preżentata bil-fjuri.

Ritratt: Matthew Tabone