Lokali

L-awdituri ma ingħatawx l-informazzjoni meħtieġa

L-awdituri li kienu responsabbli mill-awditjar tal-kumpaniji offshore ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri ftit li xejn ingħataw informazzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu eżerċizzju ta’ awditjar serju.

Dan ħareġ minn email li kienet żvelata u ppubblikata minn ġurnal Ġermaniż li xejjen għal kollox id-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Joseph Muscat li kien ta x’jifhem li dan l-eżerċizzju se jfittex il-flus kollha li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom moħbija madwar id-dinja.

Dan kien zvelat illum mill-ġurnal The Sunday Times.

L-emails juru li l-awdituri straħu biss fuq il-ftit informazzjoni li ingħatat lilhom kif ukoll dikjarazzjonijiet mit-trustess fi New Zealand  li qalu li sa fejn jafu huma memmx flus moħbija fil-kumpaniji fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u Keith Sschembri.

Dan kuntrarju għal dak li kien żvelat minn The Daphne Project li żvelaw li kienu trasferiti madwar 1.6 miljun dollaru fil-kumpanja 17 Black. Emails juru li Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu qed jistennew li fil-kumpaniji tagħhom fil-Panama jidħlu madwar 150,000 dollaru fix-xahar.

Fl-email żvelata fil-ġurnal Ġermaniż Roger Thompson li jmexxi kumpanija fi New Zealand bħala rappreżentanta ta’ Mossack Fonseva jgħid li mill-ftit informazzjoni li ingħataw huwa diffiċli għall-awdituri li jikkonkludu li mhemx iktar trasferimenti ta’ flus moħbija.

Il-ġurnal The Sunday Times ħa l-kumment tal-awditur Godfrey Leone Ganado li qal li l-email ta’ Thompson turi bl-iktar mod ċar in-nuqqas ta’ trasparenza wara dan l-eżerċizzju ta’ awditjar.

Mitlub jikkummenta l-Ministru Konrad Mizzi qal li l-awdituri kkonfermaw li l-informazzjoni kienet biżżejjed u li l-istatement tal-audit jitkellem waħdu.

Mistqosijiet mibgħuta lil Keith Schembri kienu mwieġba mill-email privat tal-Prim Ministru u fihom intqal li l-mistoqsjiet li saru kienu diġa mwieġba. L-istess tweġiba intbagħtet lil The Sunday Times madwar 40 minuta wara – din id-darba minn email address tal-gvern.

Intant l-ġurnal ifakkar li l-FIAU sabet li l-kumpanija Mossack Fonseca kienet ghamlet back dating taċ-ċertifikati tas-shares ta’ Konrad Mizzi fil-kumpanija fil-Panama bl-istess ġurnal jiżvela li  l-istess ġara fil-każ tal-kumpanija ta’ Keith Schembri.