Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jiddomina l-Grand Prix ta’ Spanja

Lewis Hamilton bit-trofew fuq il-podju (Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton kiseb it-tieni rebħa konsekuttiva wara li ddomina l-Grand Prix ta’ Katalunja. B’din ir-rebħa, Hamilton kabbar id-distakk fil-quċċata tal-klassifika ġenerali għal 17-il punt.

Bidu tajjeb mill-Britanniku li żamm l-ewwel post, bidu li kien kaotiku wara li Romain Grosjean tilef il-bilanċ u kkawża inċident bi Pierre Gasly u Nico Hulkenberg itemmu t-tellieqa ħesrem.

Fit-tieni post daħal Valtteri Bottas biex assigura l-ewwel doppjetta ta’ Mercedes dan l-istaġun. Max Verstappen tar-Red Bull kiseb l-aħħar post fuq il-podju wara li għeleb l-isfida ta’ Sebastian Vettel tal-Ferrari.

Daniel Ricciardo tar-Red Bull daħal distakkat fil-ħames post, segwit minn Kevin Magnussen ta’ Haas, Carlos Sainz tar-Renault u Fernando Alonso tal-McLaren. Sergio Perez tal-Force India u Charles Leclerc tas-Sauber għaqqdu l-ewwel għaxra. It-tiġrija li jmiss ssir ġimagħtejn oħra f’Monaco.