Lokali

“Partit żagħżugħ, determinat li jibdel u jinbidel favur in-nies” – Clyde Puli

Is-Segretarju Ġenerali jagħlaq il-Kunsill Ġenerali amministrattiv b'messaġġ ċar

“Determinati li naħdmu flimkien b’ħarsitna lejn il-futur”. Kien dan il-mod li bih is-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli għalaq l-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Nfasslu Futur Flimkien’.

Clyde Puli qal li dan hu l-mod ġdid li bih qed jaħdem il-Partit Nazzjonalista, b’enfasi kbira fuq iż-żgħażagħ u b’ideat innovattivi – laqta friska li dehret ukoll f’dan l-istess Kunsill Ġenerali. Infatti, fil-Kunsill Ġenerali innifsu pparteċipaw mal-120 kelliem, fuq firxa ta’ ġimgħa sħiħa.

Is-Segretarju Ġenerali fisser xi jfisser illum il-ġurnata li tkun Nazzjonalist – nazzjonaliżmu taċ-ċentru, li jemmen fil-ġid komuni. “Irridu nħaddnu l-egħżeż prinċipji, imma fl-istess waqt inkunu radikali”.

“Dan hu nazzjonaliżmu li jista’ jiġi ppersonifikat f’Adrian Delia – bniedem li jaf xi jridu u xi jħossu n-nies”, qal Puli.

Is-Segretarju Ġenerali saħaq li “il-mixja tagħna tibda mil-lum” u hi mixja favur in-nies.

“Il-PN hu determinat li jbiddel u jinbidel. Għalhekk tibżgħux, għax we are ready to go“.