Petra Kvitova rebħet l-Open ta’ Madrid għat-tielet darba wara li għelbet lil Kiki Bertens fil-finali. Iċ-Ċeka li hi s-sid numru 10 fid-dinja, rebħet ukoll ġimgħa ilu fi Praga. Kvitova għelbet lil Bertens 7-6, 4-6, 6-3 f’sagħtejn u 52 minuta.
Kvitova li rebħet dan l-unur fl-2011 u fl-2015, saret l-ewwel mara li rebħet dan it-tournament tliet darbiet. Iżda biex rebħet il-11-il partita konsekuttiva tagħha, kellha biċċa xogħol diffiċli biex tegħleb lis-sid numru 20.
Fil-mixja tagħha lejn il-finali, Bertens għelbet is-sid numru tnejn Caroline Wozniacki u l-ħames darbiet rebbieħa tal-Grand Slam Maria Sharapova, u kawża ta’ dan telgħet fit-18-il post fir-rankings tad-dinja, l-aktar pożizzjoni għola li qatt kellha.
Bertens irnexxielha tkisser is-service u marret 4-2 minn fuq, iżda Kvitova wieġbet immedjatament u ma kinitx sorpriża li s-set intemm b’tie-break. Kvitova li għandha 28 sena, irkuprat minn double fault kmieni u marret 4-2 iżda Bertens għamlet l-iskor 4-4, qabel mat-tennista Ċeka kisbet iż-żewġ punti ta’ wara biex kellha set points.
Bertens salvat iż-żewġ set points iżda naqset li tieħu vantaġġ mis-service tagħha, b’Kvitova tirbaħ it-tie break 8-6 u sussegwentament is-set. L-Olandiża ta’ 26 sena ħadmet aktar fit-tieni set hekk kif Kvitova bdiet tgħajja u bdiet tagħmel aktar żbalji. Dan ippermetta lil Bertens biex tieħu vantaġġ u rnexxielha tirbaħ it-tieni set.
Fis-set deċiżiv, Kvitova marret 4-2 minn fuq sakemm Bertens wieġbet immedjatament. Iżda Kvitova kisret is-service għat-tieni darba u minn hemm ikkontrollat biex kisbet l-24 titlu WTA.
//= $special ?>