Lokali

Priġunieri vittmi ta’ prezzijiet ogħla mit-‘tuck-shop’ tal-Ħabs

Priġunieri fil-Ħabs ta’ Kordin ilmentaw ma’ il-mument li qed ikollhom iħallsu prezzijiet ferm ogħla għall-prodotti li huma jkunu jridu jixtru mit-tuck-shop tal-Ħabs.

Dawn il-priġunieri qalulna li kemm-il darba ġibdu l-attenzjoni tat-tmexxija tal-Ħabs dwar dan l-abbuż, iżda kull ilment minnhom waqa’ fuq widnejn torox.

F’dawn il-jiem tkellmu ma’ il-mument familjari ta’ persuna li xtaqet tibgħat kartolina ta’ Jum l-Omm. Għalhekk familjari tagħha ħadulha kartolina biex tiktibha u tibgħatha. Għal xi raġuni l-membri tas-sigurtà tal-Ħabs ma ħallewx lill-familjari jgħaddu din il-kartolina lil din il-persuna bir-riżultat li din il-persuna kienet kostretta tixtri bilfors il-kartolina ta’ Jum l-Omm mit-tuck-shop tal-Ħabs.

L-ilment hu li jekk din il-kartolina minn barra kienet tiswa tant flus, mit-tuck-shop tal-Ħabs irriżulta li din il-kartolina ta’ Jum l-Omm kienet tiswa ferm aktar.

Dawk li tkellmu ma’ il-mument fissrulna li dan hu abbuż sfaċċat għaliex il-prodotti mit-tuck-shop tal-Ħabs għandhom jinbiegħu lill-priġunieri bl-istess prezzijiet li jinbiegħu barra l-Ħabs u mhux min imexxi t-tuck-shop qed jabbuża u jgħolli l-prezzijiet tal-prodotti li jbiegħ… kemm tal-ikel u x-xorb u anki tal-ħasil.

Dawn li tkellmu magħna żiedu li wieħed irid japprezza li l-priġunieri ma jkollhomx ammonti kbar ta’ flus għad-dispożizzjoni tagħhom u għalhekk iridu joqogħdu attenti kif jonfuq flushom.

Il-mistoqsija tibqa’: Għaliex l-awtoritajiet tal-Ħabs anki f’dan il-livell ma humiex kapaċi jipproteġu lill-priġunieri? Jekk twasslilhom b’mod ripetut l-ilment li mit-tuck-shop il-prodotti qed jinbiegħu bi prezzijiet ogħla – xi drabi saħansitra d-doppju jew kważi – għaliex ma ttiħdux passi?

It-tgergir u l-ilmenti fir-rigward tat-tmexxija tal-Ħabs qed ikomplu jiżdiedu iżda minkejja kollox, il-Ministru Michael Farrugia jibqa’ gallarija u ma jagħmel xejn biex il-Ħabs isir tassew faċilità korrettiva.

Minkejja li bosta xhur ilu l-Gvern wiegħed riforma fil-Ħabs ta’ Kordin, sa issa baqa’ ma sar xejn b’mod effettiv u l-Ħabs għadu qed jitmexxa minn persuni li fil-verità ma humiex għall-altezza ta’ tali rwoli.