Skola minn tlieta li kienu qed jipparteċipaw fi proġett pilota biex kull skola tistampa l-materjal tal-istudenti għand l-istamperija tal-Gvern irtirat biex b’hekk issa dan il-proġett pilota qed isir biss f’żewġ skejjel.
Dan il-proġett pilota qed isir għaliex kif żvela Net News fl-aħħar jiem, l-għalliema se jkunu sfurzati jibdew jistampaw il-materjal li jqassmu lill-istudenti mill-istamperija tal-Gvern.
B’din id-deċiżjoni, l-għalliema mhux se jibqgħu jitħallew jiġbru flus mingħand l-istudenti u jużawhom biex jistampaw il-materjal fejn isibu l-irħas.
Din id-deċiżjoni qed issib reżistenza mill-għalliema, li saħansitra talbu lill-unions tagħhom biex jitkellmu f’isimhom. Reżistenza tant li wasslet biex skola minnhom irtirat minn dan il-proġett pilota.
Għalliema ta’ din l-iskola li tkellmu magħna spjegawlna kif l-edukaturi kollha ta’ dawn it-tliet skejjel kienu sfurzati jgħaddu l-materjal kollu lil impjegat wieħed fl-istamperija tal-Gvern.
Kif wieħed jista’ jimmaġina, dan ma setax ilaħħaq max-xogħol kollu bil-konsegwenza li kien hemm episodji fejn il-materjal ma’ wasalx fiż-żmien. Xi ħaġa inaċċettabbli li l-għalliema ma setgħux ikomplu jgħaddu minnha tant li rtiraw mill-proġett.
Apparti minn hekk din is-sistemà ġdida se twassal biex l-għalliema jitilfu kull flessibilità. Dan għaliex qed jintalbu jgħaddu l-materjal lill-istamperija tal-Gvern tliet ijiem qabel, bil-konsegwenza li jekk ikunu jridu jaġġornaw il-materjal ma jistgħux jagħmlu dan.
Dan minbarra li l-għalliema qed iħossu dan bħala messaġġ ta’ sfiduċja fihom, għax intqalilhom li xogħolhom mhux li jiġbru l-flus, kif ukoll jinsabu mħassba li x-xogħol oriġinali tagħhom se jgħaddi għand persuni li ma jafux.
Sadattant, ikkuntattjata minn The Sunday Times of Malta, il-Union tal-Għalliema ddikjarat li dwar dan saru laqgħat mal-Ministru tal-Edukazzjoni u mhux teskludi li tieħu azzjonijiet.
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ddikjara li “ż-żewġ skejjel li qed jieħdu sehem fil-proġett għadhom għaddejjin bix-xogħol u ma kien hemm l-ebda skola li rtitrat.”
//= $special ?>