Roma Nuoto baqgħu fil-quċċata tal-kampjonat Taljan A2 wara li b’wirja mill-aqwa għelbu lit-tim tal-qiegħ Bari 19-5. Għat-tim tal-kapitali, reġa’ spikka l-internazzjonali Malti Stevie Camilleri li skorja sitt gowls biex kompla jsaħħaħ postu fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers.
Bari kienu qed ifittxu punti biex isalvaw u fl-aħħar logħbiet taw battikata lil Salerno u Civitavecchia, iżda t-tim ta’ Roberto Gatto wera l-qawwa tiegħu mill-bidu, għalqu l-logħba u kkontrollaw il-kumplament tal-partita fejn ma taw l-ebda ċans lill-avversarji jidħlu fil-logħba.
Stevie Camilleri skorja l-ewwel gowl personali minn sitwazzjoni ta’ raġel aktar biex għamel l-iskor parzjali 3-1. Roma temmew l-ewwel sessjoni 4-1 minn fuq, u ddominaw it-tieni sessjoni. Wara doppjetta ta’ Enrico Calcaterra, kien imiss lil Camilleri li jiskorja żewġ gowls ukoll, f’sessjoni li Roma Nuoto daħlu jistrieħu 9-1 minn fuq.
Il-plejer Malti skorja r-raba’ gowl personali fit-tielet sessjoni biex għamel l-iskor 12-2, b’Roma jibdew l-aħħar sessjoni 14-3. Camilleri skorja l-aħħar żewġ gowls tiegħu fil-logħba u għamilhom 18-4
L-avversarji li jmiss ta’ Roma Nuoto huma Palermo li jonqoshom punt biex isalvaw.
//= $special ?>