L-aggressur li, fil-lejl tas-Sibt, qatel raġel u fera oħrajn waqt attakk terroristiku f’Pariġi, kien twieled fiċ-Ċeċenja u kellu ismu fuq il-lista għal persuni li jistgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà fi Franza.
Qabel spiċċa maqtul minn tiri li sparawlu l-pulizija, l-aggressur – identifikat bħala Khamzat Asimov — kien irnexxielu joqtol raġel ta’ 29 sena filwaqt li ħalla diversi midruba b’daqqiet ta’ sikkina fid-distrett tal-Opera, fil-kapitali.
Ftit wara li s-sitwazzjoni nġiebet taħt kontroll, il-grupp terroristiku ISIS ħareġ messaġġ fejn assuma responsabbiltà għad-dmija.
L-aħħar rapporti qalu li t-terrorista ma kienx qed iġorr dokumenti ta’ identità waqt li mhux magħruf li kellu xi rekord kriminali. Il-ġenituri tiegħu, fl-aħħar sigħat, kienu qed jgħinu l-istħarriġ tal-pulizija u għalkemm jaħsbu li Asimov kien ċittadin Franċiż, ma kienx magħruf ‘kemm hu kien ilu jgħix fi Franza’.
Ir-raġel maqtul waqt l-attakk jidher li kien għaddej għall-affari tiegħu ‘u fejn kellu jinzerta fil-post ħażin’ — iżda l-awtoritajiet ma provdewx aktar dettalji. Sar magħruf ukoll li wieħed mill-midruba kien ċittadin Ċiniż, bil-Ministeru għall-Intern isostni li ħadd mill-feruti ma jinsab f’periklu li jitlef ħajtu.
Rapporti oħra qalu li l-aggressur kien għajjat diversi drabi ‘Allahu Akbar’ waqt li kien qed jikkommetti l-attakki u li hu ipprova jidħol f’diversi bars u ristoranti – fejn in-nies fuq ġewwa nbarraw il-bibien. Il-pulizija, għall-bidu, ippruvaw jużaw Taser biex irażżnu l-furja tar-raġel, iżda mbagħad, iddeċidew li jiftħu n-nar għal fuqu.
Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, fl-aħħar sigħat, bagħat messaġġ ta’ solidarjetà lill-qraba tal-vittmi tal-attakk u sostna li pajjiżu mhux se jċedi pulzier lill-għedewwa tal-libertà.
//= $special ?>


