Futbol Sport

Zenit jitterminaw il-kuntratt ta’ Mancini

Roberto Mancini
Tikber il-possibbiltà li Mancini jsir il-kowċ nazzjonali Taljan

Il-klabb Russu Zenit St. Petersburg ittermina l-kuntratt ta’ Roberto Mancini bi qbil reċiproku, biex b’hekk qed toqrob l-uffiċjalità li Mancini jinħatar kowċ tat-tim nazzjonali Taljan.

Mancini kien wieħed mill-aktar kowċis ta’ livell li marru fil-kampjonat Russu fl-aħħar snin, u s-sena l-oħra kien iffirma kuntratt ta’ tliet snin. Iżda l-kuntratt se jkun terminat illum mingħajr kumpens.

Dan ix-xahar, il-Kummissarju tal-FIGC Roberto Fabbricini qal li Mancini kellu diskussjonijiet mal-uffiċjali Taljani iżda ma kien intlaħaq l-ebda ftehim. Zenit li huma mmexxija mill-kumpanija kbira Russa Gazprom, fl-aħħar snin użaw il-finanzi tagħhom biex jattiraw kowċis barranin bħal Dick Advocaat, Luciano Spalletti u Andre Villas-Boas.

Mancini mexxa timijiet ta’ livell bħal Inter, Galatasaray u Manchester City fejn rebaħ il-kampjonat mat-tliet klabbs. Zenit bħalissa jinsabu fil-ħames post fil-kampjonat b’logħba għat-tmiem.

It-tim nazzjonali Taljan qed ifittex kowċ nazzjonali wara li Gian Piero Ventura tkeċċa minħabba n-nuqqas tal-Italja li tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja.