Lokali

Il-Funtana tat-Tritoni se tintefa’ għal għaxart ijiem

Bejn is-16 u l-25 ta’ Mejju, il-Funtana tat-Tritoni se tintefa’ sabiex isiru interventi ta’ manutenzjoni fuq il-bronż u t-travertin.

Dawn ix-xogħlijiet huma parti mill-manutenzjoni programmata li trid issir kontinwament sabiex il-funtana tinżamm nadifa, bid-dwal u l-ġettijiet tal-ilma kollha jaħdmu, u bil-bronż u t-travertin bl-aħjar dehra.

Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet isiru mingħajr ma jkun hemm bżonn li l-funtana tintefa’ u ilhom isiru minn meta l-funtana bdiet taħdem. Iżda għax-xogħol fuq it-travertin jeħtieġ li l-funtana tintefa’ tlett ijiem qabel jibdew ix-xogħlijiet, sabiex it-travertin jilħaq jinxef mill-ilma li jista’ jkun ta’ detriment għat-trattament li se jingħata.