– Jason Azzopardi, PN
Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sostna li l-gvern qed iwettaq ħsara ambjentali irreparabbli billi ta meded kbar ta’ art għal petrol stations f’żoni ODZ. Dan seħħ minħabba obbligazzjonijiet lejn il-PL.
Fid-dibattitu dwar il-liġi għall-protezzjoni għall-ambjent, Jason Azzopardi qal li l-Oppożizzjoni hi favur din il-liġi fejn il-Ministru għall-Ambjent se jkun jista’ jagħmel att pubbliku u att ta’ kurazija mal-kunsilli lokali jew ma’ għaqdiet ambjentali biex propjetà tingħadda biex tintuża u l-ħarsien ambjentali tagħha jkun osservat.
Din il-liġi ma fiha xejn ġdid li ma kinx isir qabel. Il-Gvern għandu jgħaddi artijiet pubbliċi lill-kunsilli lokali jew għaqdiet għaliex din tkun amministrata ferm aħjar. Gvern Nazzjonalista kien jemmen f’dan il-prinċipju u ta diversi propjetajiet lil għaqdiet ambjentali u storiċi għla skopijiet tajbin fil-komunità.
Hu tkellem dwar id-demanju pubbliku mdaħħal mill-Gvern Nazzjonalista u qal li dan kien kunċett rivoluzzjonarju li bdidel ix-xenarju ambjentali f’Malta għall-pożittiv.
L-iskema ta’ ritorn tal-fliexken tal-plastik qed tinħadem b’mod li imprenditur ewlieni kien interessat li jidħol għaliha iżda wasallu messaġġ mill-ogħla biex ma jidħolx għaliha jekk irid ikompli jieħu ċertu kuntratti tal-Gvern. Dan għax qed jingħad li min se jħaddem din l-iskema diġà ngħażel u dan hu ħażin.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Gvern m’għandux l-affidabbilità li jħaddem l-inċineratur għaliex l-Impjant ta’ Sant’Antnin ħa n-nar tliet darbiet. Hu tkellem dwar l-użu tal-fossile fuel u appella lill-Gvern biex jispeċifika meta dan se jieqaf jintuża. Hu qal li n-nefqa ta’ ħsara mit-tniġiż ambjentali hu ta’€182 miljun filwaqt li qed jiżdied il-mard respiratorju u jintilfu ammonti kbar ta’ ġranet tax-xogħol minħabba problemi ambjentali. Malta għandha rata ogħlja ta’ partiċelli fl-arja, sostna Jason Azzopardi, li qal li Malta qed issir pajjiż li fih ma tistax tgħix minħabba l-kwalità ħażina tal-arja.
Il-Gvern qed jemenda l-kostituzzjoni iżda mhux kpaċi jagħti sahra lill-ħaddiema tal-Building Regulation Office biex fi tmiem ili-ġimgħa jsiru l-ilmenti mill-pubbliku. Jirriżulta li l-Ministru għall-Ambjent m’għandux ir-responsabbiltà ta’ dan l-Uffiċċju.
Dwar il-petrol stations hu qal li l-bidla fil-policy saret biex ikun hemm petrol stations għaxar darbiet iktar milli huma llum; dan bi sfreġju ambjentali. Biex iwettaq dan, il-Gvern ħeba u qarraq. Dwar dan hemm diversi sentenzi tal-qorti. Il-pajjiż se jkollu 50 darba petrol stations daqs il-Fosos tal-Floriana. Dan qed isir għax hemm obbligazzjonijiet lejn il-PL. Il-ħsara hi irreparabbli f’art ODZ; meta dan kollu seta’ kien evitat.
//= $special ?>