Ekonomija Lokali

IL-KRIŻI TAL-KIRJIET: “Irridu nħarsu lill-persuni vulnerabbli” – GWU

Il-GWU ħejjiet numru ta' proposti għall-White Paper dwar ir-riforma fis-suq tal-kera

“Hemm bżonn li nħarsu dawk l-aktar vulnerabbli u dan għandu jiġi mħares fil-White Paper tal-Gvern dwar ir-riforma fis-suq tal-kera”. Dan kien il-kliem ta’ Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fejn ħabbar numru ta’ proposti bl-għan li l-Gvern jinkludihom fil-White Paper.

Il-GWU qed tipproponi li tinħoloq l-Awtorità tal-Kiri li tieħu rwol ta’ regolatur; awtorità li għandha jkollha wkoll Bord tal-Kera bil-kapaċità ta’ Tribunal.

Fl-istess waqt il-GWU qalet li hija tibqa tal-fehma li l-Gvern xorta waħda għandu jibqa’ jassumi r-responsabbilità ewlenija li jipprovdi l-akkomodazzjoni soċjali għal dawk li ma jifilħux jikru mill-privat. Fl-istess waqt hija sostniet li hemm bżonn t’aktar inċentivi biex in-nies isiru s-sidien tad-djar tagħhom dan b’miżuri ġodda li jgħinu biex dan isir.

“Il-Gvern irid joffri aktar binjiet tal-akkomodazzjoni soċjali”

Ix-xogħol tal-Awtorità għandu li l-proprjetà li se tkun qed tinkera tkun reġistrata mal-istess awtorità u jkun provdut liċenzja rispettiva. Il-kerrej jikklasifika l-post li qed jirreġistra għall-kiri, issir spezzjoni u klassifikazzjoni tad-daqs tal-kwalità tal-proprjetajiet li tkun se tintuża għal skop ta’ kiri. Li jkun hemm livell aċċettabbli u legali tas-sanità, saħħa u sigurtà tal-proprjetà.

Hu qal li l-funzjoni tat-tribunal għandu jkun kompost minn persuni ta’ esperjenza fil-qasam. Fl-istess waqt huwa qal li għandu jkun hemm regolomenti fuq xogħol li għandu jsir fil-proprjetà, jekk hux mill-inkwilin jew mis-sid.

“Ninsabu konxji tal-fatt li s-sistema kif inhi hija miftuħa għall-abbuż” dan fid-dawl taċ-ċirkostanza li s-sid ikun qed jikri l-proprjetà lill-inkwilin u eventwalment dan jikrih lil terzi persuni li jabbużżaw mill-istess kuntratt li jkunu fih. “Dan aħna rridu li nbiddluh u li jkun hemm il-protezzjoni meħtieġa għal min ħaqqu li jkun imħares.

Fl-istess waqt il-GWU qed tipproponi li l-kirjiet jiġu kkunsidrati fit-tul għandhom jkunu ta’ mhux anqas minn erba’ snin. L-istess union trid li jkun hemm differenza bejn proprjetà li tinkera għal ftit, u dik li qed tinkera bħala proprjetà residenzjali għal numru tas-snin.

Il-GWU qalu li l-awtorità għandha jkollha wkoll funzjoni li jkollha reġistru dwar l-imġieba kemm tas-sidien u kif ukoll tal-inkwili, dan biex ikollha l-informazzjoni meħtieġa għall-ħtiġijiet tal-futur.

Intant il-GWU qalet li huwa l-obbligu tal-Gvern li jiggarantixxi l-akkomodazzjoni soċjali, u li jkun hemm biżejjed għal kulħadd, u li jħares li l-ebda membru tas-soċjetà ma jispiċċa vittma tal-ispekulaturi li jħarsu biss lejn it-tħaxxim ta’ bwiethom u mhux li jipprovdu servizz.