Lokali

Il-PN b’sens akbar ta’ entużjażmu u żogħżija – Clyde Puli

Il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li sar fuq tmint ijiem, wera sens kbir ta’ entużjażmu u żogħżija fil-Partit.

Hekk qal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, l-għada tal-għeluq tal-Kunsill Ġenerali bit-tema “Infasslu Futur Flimkien”, li beda mixja biex il-Partit ikun aktar żagħżugħ.

Clyde Puli kompla li dan il-Kunsill Ġenerali wera wkoll il-viżjoni u l-entużjażmu tal-Kap tal-Partit Adrian Delia, li ppreżenta l-viżjoni ta’ soċjetà li jimpurtaha għax hekk biss, pajjiżna jista’ jibqa’ miexi ‘l quddiem.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fisser id-differenza fl-ideat bejn il-viżjoni ta’ Adrian Delia kontra l-politika tal-Gvern Laburista.

Clyde Puli kompla li l-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia jridu soċjetà li jimpurtaha b’mod li jaqbel lil kulħadd.

Min-naħa tiegħu, fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li joħlom f’soċjetà fejn uliedna jitgħallmu u mhux biss jistudjaw, fejn in-neputijiet tagħna jistgħu jbiddlu l-pajjiż, fejn il-ħaddiema jkollhom dritt għal ħajja diċenti u fejn il-ġenituri jistgħu jirtiraw b’dinjità, bl-anzjani jagħtu aktar lis-soċjetà.

Kompla kif minkejja l-ftaħir tal-Gvern, f’pajjiżna għad għandna ħaddiema jaħdmu bil-prekarjat, għad fadal anzjani li jbatu biex ilaħħqu mal-ħajja u għad fadal persuni li għaddejjin minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali, kundizzjonijiet ta’ saħħa u problemi bħas-solitudni.

Sadanittant, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li f’dawn it-tmint ijiem, 120 kelliem ipparteċipaw b’xi mod jew ieħor fil-Kunsill Ġenerali.