Internazzjonali

Isir il-funeral taċ-ċkejken Alfie Evans

F’Liverpool illum ingħatat l-aħħar tislima liċ-ċkejken Alfie – it-tifel Ingliż illi miet minħabba kundizzjoni rari li kellu. Hu kellu biss 23 xahar.

Il-każ ta’ Alfie ġibed l-attenzjoni wara li l-ġenituri tiegħu tilfu battalja legali quddiem il-Qorti Superjuri fl-Ingilterra, fejn l-isptar tħalla jneħħi l-apparat respiratorju tat-tifel. Il-media mal-ewwel segwiet il-każ tiegħu, fejn kien hemm ġlieda kontinwa bejn it-tobba u l-ġenituri dwar is-saħħa tat-tifel. Kważi ġimgħa wara li tneħħa dan il-makkinarju li bis-saħħa tiegħu kien qed jgħix, Alfie miet.

Alfie twieled f’Liverpool f’Mejju tal-2016, u l-ewwel kien ġie rikoverat fl-isptar Alger Hey Children’s Hospital f’Liverpool. F’Diċembru sofra numru ta’ puplesiji, u minn hemmhekk baqa’ rikoverat dejjem fl-isptar imsemmi.