Lokali

Jidħol f’basla wara żball f’libsa ta’ omm l-għarus

Il-ħajjat spiċċa ħallas ukoll l-ispejjes tat-Tribunal

Id-Direttur Ġenerali tal-Affarijiet tal-Konsumatur ordna lil Gaetano Busuttil iħallas €100 wara żball li sar f’libsa ta’ tieġ.

F’komunikat maħruġ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, intqal illi Busuttil ma onorax id-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal għal Talbiet tal- Konsumaturi.

L-istorja bdiet meta mara kienet użat is-servizzi tal-bejjiegħ għall-ħjata ta’ libsa għat-tieġ ta’ bintha.

Minħabba li l-qisien ma kinux tajbin, il-libsa ġiet issikkata żżejjed u kellha tmur għand ħajjat ieħor. Il-libsa sarulha ukoll ħafna tibdiliet. Hija talbet li tingħata lura s-somma ta’ €252.33 li ħallset għad-drapp.

It-Tribunal qal li l-konsumatriċi kien imissha ġibdet l-attenzjoni tal-bejjiegħ li l-qisien ma kinux korretti. Mill-banda l-oħra, il-bejjiegħ ma missux aċċetta s-suġġerimenti tal-konsumatriċi, fosthom li jinbidel iż-żipp, jekk dan kien ifisser li l-prodott finali ma kienx ser jiġi sew.

Waqt li rrimarka li jidher li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni effettiva bejn il-partijiet, it-Tribunal laqa’ in parte it-talbiet tal-konsumatriċi u attribwiet ir-responsabbiltà liż-żewġ naħat.

It-Tribunal ordna lill-bejjiegħ iħallas lura is-somma ta’ €100 lill-konsumatriċi u l-ispejjeż tat-Tribunal.