Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li attakka lis-sieħba tiegħu bl-aċtu

Kienet rifjutata wkoll talba biex jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli

Noel Calleja ta’ 38 sena nżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Qorti akkużat li fit-28 ta’ Marzu li għadda attakka lis-sieħba tiegħu b’turnavit u waddbilha l-aċtu.

Calleja qed jaffaċċja akkużi ta’ attentat ta’ qtil, li kkawżalha ġrieħi gravi minħabba l-aċtu, li kien fil-pussess ta’ arma, li ġarr sikkina mingħajr permess, kiser il-paċi pubblika, kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest preċedenti kif ukoll li hu riċediv.

Dan hekk kif fl-2015 kien ingħata l-libertà proviżorja u b’garanzija personali ta’ €23,000 fuq attentat ta’ qtil ta’ mara oħra, f’każ ta’ sentejn qabel. F’każ li għadu għaddej, Calleja qed ikun akkużat li attakka lill-istess mara fl-2012 meta taha 12-il daqqa ta’ sikkina.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest din id-darba ma ntlaqgħetx minħabba n-natura serja tal-każ u l-akkużi kontrih, ir-riskju li ibagħbas l-evidenza jew javviċina lix-xhieda.

Kienet rifjutata wkoll talba biex jinżamm fl-Isptar Monte Karmeli, għalkemm il-Maġistrat Aaron Bugeja ordna lid-Direttur tal-Ħabs biex jieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-istat ta’ saħħa mentali tal-akkużat.