Qorti

Jitressaq il-Qorti għax spara lejn żewġ klieb li kienu qed joqtlulu l-annimali

Carmel Dimech jinsab akkużat quddiem il-Qorti b’moħqrija tal-annimali wara li spara lejn żewġ klieb u fera wieħed minnhom wara li dawn ripetutament kienu qed joqtlulu l-annimali.

Dimech, li qed jidher quddiem il-maġistrat Claire Stafrace Zammit, jinsab akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-ħruġ tal-liċenzja tas-snieter tiegħu hekk kif qabżitlu wara każ wara l-ieħor ta’ attakki fuq l-annimali tiegħu.

Dakinhar, Dimech ipponta s-senter lejn il-klieb, b’wieħed minnhom jaħrab mill-post, biex imbagħad spara tir ftit bogħod mill-kelb l-ieħor. Kien hawn li ċomba ħabtet ma’ ħajt u spiċċat tferi lill-kelb.

Fil-Qorti sar magħruf li Dimech, ħaddiem tal-Pitkalija li għandu 56 sena u residenti r-Rabat, tilef sitt qtates, numru ta’ friegħ u tiġieġ minħabba l-klieb tal-ġar tiegħu. Meta seħħ l-aħħar episodju, Dimech spara għaliex induna li l-istess klieb kienu se joqtlulu d-dundjani li kellu għall-Milied.

Assistit mill-Avukat Joe Giglio, Dimech iddikjara li pproba jkellem lill-ġar tiegħu dwar din il-problema iżda ma nbidel xejn. Madankollu kien biss wara l-każ tal-isparatura li sar rapport lill-Pulizija, liema rapport wassal biex ittieħdet azzjoni fuq is-sid tal-klieb li fil-passat kien weħel multa ta’ €50 minħabba l-istess raġuni.

Quddiem il-Qorti kienu esebiti sitt snieter, b’dak użat f’dan il-każ jinżamm bħala prova. Il-każ ikompli.