Internazzjonali

Kollox jindika li l-għajbin tal-MH370 sar apposta

Grupp ta’ esperti fil-qasam tal-avjazzjoni qalu li kollox jindika li l-ajruplan tal-Malaysian Airlines, il-MH370 bi 239 persuna abbord, iġġarraf apposta f’zona remota mill-bdot Zaharie Amad Shah.
L-esperti qalu dan fuq il-programm Awstraljan 60 Minutes.

Intqal li mill-manuvri li saru tal-ajruplan fit-8 ta’ Marzu tal-2014 qabel ma ntilef il-kuntatt miegħu, saru bi preċiżjoni u speċifikament biex ma jintqanqlux suspetti dwaru qabel ma għeb għal kollox.
L-esperti qablu li l-possibbiltà li l-ajruplan iġġarraf minħabba inċident kienu remoti ħafna u kollox jindika li Zaharie ried jagħmel suwiċidju u jniżżel l-ajruplan x’imkien fil-baħar fejn kważi impossibbli jinstab għaliex mhux magħruf. Hu tar ukoll fuq il-belt fejn trabba dik ta’ Penang aktarx bħala l-aħħar tislima.

Intqal ukoll li fdalijiet ta’ ajruplan li nstabu tul il-kosta tal-Mozambique kienu kważi ċertament tal-ajruplan Malasjan.

S’issa ma nstab xejn tal-ajruplan ħlief għal bċejjeċ żgħar ta’ ajruplan fil-Mozambique u lanqas hemm konferma assoluta. Bħalissa qed isir sforz ieħor biex jinstab l-ajruplan f’ibħra fl-Oċean Indjan.