Lokali

L-uffiċċju tal-ombudsman se jinvestiga t-teħid ta’ parti mill-bypass tal-Mellieħa minn kuntrattur

L-Uffiċċju tal-Ombudsman se jinvestiga kif kuntrattur privat akkwista parti mill-bypass tal-Mellieħa biex jinkludi din iż-żona ġdida fl-iżvilupp tiegħu. Deċiżjoni li kawża tagħha din il-bypass se tidjieq.

L-investigazzjoni relatata ma’ proġett massiċċ ta’ 152 appartament tasal wara li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista u eks Sindku tal-Mellieħa Robert Cutajar qajjem it-tħassib tiegħu dwar dik li sejjaħ bħala każ suspettuż ħafna.

Il-pjani li tittieħed parti mill-bypass kienu saru magħrufa wara mistoqsija parlamentari mill-istess Cutajar, u li minnha ħarġet biss ġustifikazzjoni min-naħa tal-Gvern sakemm ir-rabja tar-residenti u dawk li jużaw il-bypass wasslet biex il-Gvern daqq l-irtirata.

Filfatt il-Gvern ħabbar proġett biex tinħoloq service road mingħajr ma tidjieq il-bypass, iżda anke hawn qamet kritika li l-gvern se juża fondi pubbliċi biex jaqdi kuntrattur privat. Proġett li beda mingħajr ma nħarġu tenders iżda b’direct order lil erba’ kuntratturi.

Fit-talba tiegħu għal investigazzjoni mill-Ombudsman, Robert Cutajar itenni t-tħassib tar-residenti taż-żona Ta’ Masrija qalb it-tħassib għal amministrazzjoni ħażina mill-awtoritajiet kompetenti.

L-investigazzjoni mistennija tibda fil-jiem li ġejjin.