Parlament

ONE NEWS RIEDU JQARRQU: L-Ispeaker jordna kjarifika

Ċanfira mill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia fil-konfront tal-media Laburista wara li s-sit elettroniku tal-aħbarijiet Laburista ntalab jikkjarifika li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Simon Busuttil mhux kontra l-IVF.

Dan wara li Busuttil ilmenta mas-Sedja li s-sit tal-Partit Laburista dawwar kliemu bi skop li jqarraq.

Id-deċiżjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia ħarġet f’Ruling wara lment li l-media Laburista qabdet biss biċċa mid-diskors ta’ Simon Busuttil u użatha b’tali mod li tagħti impressjoni mhux korretta li d-Deputat Nazzjonalista hu kontra l-IVF.

Fl-ilment tiegħu, Simon Busuttil iddikjara li kliemu tant ġie mdawwar li l-messaġġ li għadda lanqas baqa’ jintagħraf. Dan hekk kif, fil-verità, hu kien qed jitkellem dwar riskji marbuta mal-iffriżar tal-embrijuni u s-surrogacy, minflok kontra l-IVF.

Min-naħa tiegħu, fir-Ruling, l-Ispeaker ikkwota siltiet estensivi mill-intervent ta’ Simon Busuttil fil-Parlament u mill-artiklu ppubblikat fis-sit elettroniku Laburista. Simon Busuttil kien qal “…. ma nistgħux aħna nagħmlu affarijiet li huma akbar minna bħalma nagħtu xi dritt li jkollok tarbija meta la n-natura u lanqas alla ma jagħtuhielek.”

L-Ispeaker qal li għalkemm mid-diskors tiegħu joħroġ ċar li filwaqt li Simon Busuttil huwa favur l-IVF skont il-liġi tal-2012 li bħalissa qiegħda fis-seħħ għamel ċar ukoll li huwa kontra l-emendi tal-IVF kif qed jiġu ppreżentati fl-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.

Kien hawn li Anġlu Farrugia talab lill-media Laburista biex tikkjarifika li Simon Busuttil hu favur l-IVF kif qed issir bħalissa, kif ukoll li d-dikjarazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista kienet kontra l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni u s-surrogacy.