Kultura Lokali

Is-Sindku tal-Belt jiddiżassoċja ruħu mill-V18

"Anke fil-futbol kellha tiddaħħal il-politika partiġġjana"

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alexei Dingli mhux se jattendi iktar laqgħat tal-bord tal-Fondazzjoni V18 u ddiżassoċja ruħu mill-istess fondazzjoni li hi responsabbli miċ-ċelebrazzjonijiet kulturali.

Dan hekk kif f’ittra ndirizzata liċ-Chairman Jason Micallef, Dingli jikkritikah għall-mod kif qed imexxi l-Fondazzjoni, fi kliemu b’diżrispett lejn il-kapitali u r-rappreżentanti eletti mill-Beltin stess.

Saħansitra jiddikjara li waqt li tqassmu xi stediniet lil entitajiet differenti fil-Belt Valletta, dawn kienu ordnati ma jistednux lill-Kunsill Lokali.

Fl-ittra, Alexei Dingli jfakkar kif fost oħrajn Jason Micallef eskluda lil Valletta F.C. minn turnew tal-futbol tal-V18  u juri d-dispjaċir tiegħu li anke fil-futbol kellha tiddaħħal il-politika partiġġjana.

Ma jistax jonqos li fl-ittra ssir kritika wkoll għall-kummenti dispreġjattivi ta’ Micallef lejn il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Kummenti li wasslu għal kundanna internazzjonali, petizzjonijiet kontra Jason Micallef, kundanni mill-istess membri tal-kumitat li għażel lill-Belt Valletta u saħansitra bojkott mill-belt Olandiża Leeuwarden-Fryslân li wkoll qed tiċċelebra t-titlu ta’ belt Kulturali Ewropea u mid-Direttur Artistiku tal-belt kulturali tal-2020.

Alexei Dingli ddikjara li fid-dawl ta’ dan, hu qed jiddiżassoċja ruħu mill-Fondazzjoni sakemm jinbidlu l-affarijiet. Ma’ The Sunday Times of Malta ddikjara li hu ċar x’inhi l-problema fi ħdan il-Fondazzjoni, meta mistoqsi jekk hux jitlob għar-riżenja ta’ Micallef.